“Qattagħni n-nemus!” Għaliex jigdem lil xi nies u oħrajn lanqas jersaq lejhom?

 “Qattagħni n-nemus!” Għaliex jigdem lil xi nies u oħrajn lanqas jersaq lejhom?

Persuni differenti jesperjenzaw livell ta’ gdim tan-nemus differenti. Uħud iħossuhom imqattgħin filwaqt li oħrajn forsi jkollhom xi gidma ‘l hemm u ‘l hawn…propju bħal qisu ta’ xi nemusa li kienet qed tmut bil-ġuħ u kellha tigdem lilhom għax ma kelliex mod ieħor. Allura x’jagħmel ċerti persuni aktar attraenti għan-nemus mill-oħrajn?

Id-daqs u n-nifs

In-nemus huwa attirat mid-dijossidu tal-karbonju, li l-bniedem jarmi ‘l barra man-nifs. Persuni ta’ statura ikbar, bħal irġiel, nisa tqal u adulti inġenerali, jarmu aktar dijossidu tal-karbonju u għalhekk isiru aktar ta’ mira għal dawn l-insetti, partikolarment jekk il-frekwenza tan-nifs tiżdied.

Ir-riħa naturali u l-batterji fuq il-ġilda

Ir-riħa unika tal-ġisem tagħna, influwenzata mill-ġenetika, għandha rwol sinjifikanti jekk tatrattax nemus jew le. Studji jgħidu li n-nemus jippreferu ċertu rwejjaħ minn oħrajn. Madanakollu għad hemm diversi riċerki għaddejjin biex jinvestigaw liema rwejjaħ tal-ġisem jattiraw in-nemus.

Il-kuluri tal-ħwejjeġ

Jekk inti tħobb tilbes l-aħmar, l-oranġjo, l-iswed u r-roża (cyan) kapaċi tatratta aktar nemus lejk. Intant, dawk li jilbsu l-aħdar, il-blue u l-vjola huma inqas attraenti għan-nemus.

It-tip ta’ demm tiegħek

Minkejja li l-evidenza m’hix daqshekk konsistenti, jingħad li dawk li għandhom demm tat-tip O huma aktar attraenti għan-nemus. Madanakollu, esperti jgħidu li t-tip ta’ demm mhux fattur sinjifikanti meta kkumparat ma’ fatturi oħrajn.

Id-dietà u x-xorb

Ikel u xorb, bħat-tewm u l-birra, jingħad li huma attraenti għan-nemus. Madanakollu, evidenza xejntifika għadha ma tatx riżultati daqshekk konklusivi dwar dan.

X’tista’ tagħmel biex tevita gdim tan-nemus?

Biex tevita l-gdim tan-nemus, ilbes ħwejjeġ bil-komma twila, uża repellent għall-insetti, żomm it-twieqi magħluqin jew uża xibka għat-twieqi, u orqod taħt xibka għan-nemus. In-nemus huma l-aktar attivi kmieni filgħodu u filgħaxija, allura għandek toqgħod aktar attent f’dawn il-ħinijiet tal-ġurnata.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com