Qtugħ ta’ dawl, għaraq u rwejjaħ antipatiċi. Kif kienu jagħmlu fl-imgħoddi?
F’dawn il-jiem qed nerġgħu nesperjenzaw regolarment qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Filli għaddejjin fil-kumdità tal-ħajja kwotidjana tagħna, filli bħal nisimgħu tfaqqigħa u jekk ikun filgħodu bħal taqa’ ħemda kbira, u jekk ikun tard filgħaxija u billejl jaqgħu ħemda u dlam kullimkien.
Waqtiet bħal dawn iġagħluna mmorru sekli lura fiż-żmien, żmien meta l-elettriċità u l-ilma ma kinux daħlu fid-djar moderni tagħna. Ħallina noħorġu x-xemgħat, it-torċijiet, l-imriewaħ u l-palji biex ma nħossux sħana f’dawn ix-xhur sajfin. Min joħroġ għall-arja friska fuq il-bejt jew fil-gallarija u min erħilu jitbaħbaħ b’xi biċċa xugaman żgħir biex iżomm ruħu frisk.
Qatt ħsibt kif kienu jgħixu l-antenati tagħna mingħajr il-kumditajiet li ġabet magħha s-soċjetà moderna? Bosta persuni tal-klassi l-għolja rari kienu jieħdu banju. Kultant żmien kienu jaħslu wiċċhom u jdejhom, u kienu jżommu ruħhom “indaf” billi jbiddlu l-ħwejjeġ ta’ taħt li kienu jmissu direttament mal-ġilda tagħhom.
In-nies sinjuri kienu jinħaslu filgħodu, jużaw sponża apposta b’ilma fi fliskatur imdaqqas li kien jitferragħ minn kontenitur apposta. In-nisa setgħu iżidu xi tip ta’ fwieħa mal-ilma.
Il-familji fqar ma setgħux jaffordjaw l-injam biex isaħħnu l-ilma li jinħaslu bih u għalhekk kienu jinħaslu rarament. Meta kienu jinħaslu, il-membri tal-familja kollha kienu jużaw l-istess ilma, bl-iktar anzjan jinħasel l-ewwel u l-iżgħar fl-età jinħasel l-aħħar.
Tistgħu taħsbu kif kien ikun l-ilma wara li jinħaslu fih il-kbar u kien jasal il-ħin li jinħaslu t-trabi! Mhux ta’ b’xejn li t-trabi kienu jimirdu u jmutu spiss!
Il-ħwejjeġ ta’ fuq kienu jinħaslu ħafna inqas spiss minn dawk ta’ taħt. Allura tistgħu taħsbu x’irwejjaħ kienu mdorrijin bihom l-antenati tagħna. Is-sinjuri kienu jużaw il-mirra u l-inċens biex ifewħu ħwejjiġhom u l-fjuri biex ifewħu l-ambjent ta’ madwarhom fid-djar tagħhom.
Illum taqbadna kriżi hekk kif nidħlu f’lokal jew f’karozza fejn m’hemmx l-arja kundizzjonata. X’konna nagħmlu sa ftit ilu meta dawn kienu għadhom ma daħlux hawn Malta? Konna ngħaddu bil-fannijiet. Tiftakruha s-sapuna taċ-ċavetta, il-borom mimlijin ilma jagħli fejn konna nisomtu l-ħwejjeġ ta’ taħt biex ikunu nodfa?
Inti x’tista’ żżid ma’ dan?