Ta’ liema età nibdew nixjieħu?

 Ta’ liema età nibdew nixjieħu?

Iż-żmien ma jistenna lil ħadd u meta nkunu qed nitkellmu fuq xi tifkiriet, malajr nieħdu qatgħa hekk kif nirrealizzaw kemm konna iżgħar u li qed nikbru, jew saħansitra nixjieħu. Imma ta’  liema età nistgħu ngħidu li qbadna t-triq tax-xjuħija? Li kieku kellna nistaqsu din il-mistoqsija għaxar / ħmistax-il sena ilu, żgur li kien ikollna risposti differenti. It-tendenza moderna hi li l-età tax-xjuħja qiegħda togħla anke għaliex ħafna ma jiħdux gost bl-idea li qed jixjieħu.

Il-kunċett tal-età tax-xjuħija beda minn Von Bismarck fl-1889 meta kellu jistabilixxi età-limitu biex jidħlu fis-seħħ il-pensjonijiet. L-età indikata kienet tibda minn 65 sena. llum il-ġurnata din tinstema’ stramba. Fil-fatt, barra minn xtutna hemm xi dipartimenti tal-ġerontoloġija fejn iqisu l-anzjanità minn 75 sena ’il fuq.

Ix-xjenza ġabet ħafna avvanzi u rnexxiela “ttawwal” ħajjet il-bniedem. Din hija waħda mir-raġunijet għaliex ħafna jqisu l-età tax-xjuħija b’mod differenti. Madanakollu, xi esperti jsostnu li biex wieħed jiddeskrivi x-xjuħija għandu jqis fatturi differenti. Li kieku nibdew billi nikkunsidraw il-medicina estetika, l-esperti jgħidu li minn 25 sa 30 sena, il-ġilda tibda bil-mod it-triq tan-niżla. Importanti li f’din il-fażi wieħed jieħu ħsieb il-ġilda sew proprju għax din tibda tbiddel l-istruttura tagħha. Fatturi bħal: ġenetika, stress u l-espożizzjoni għax-xemx ma jgħinux.

Fejn jidħol sport per eżempju, l-età tax-xjuħija tiddependi fuq t-tip ta’ sport. Huwa magħruf illi l-fiżiku huwa wieħed minn dawk l-elementi tal-ġisem li jibda “jixjieħ” minn kmieni. Mill-35 sena ’il fuq, il-muskoli jibdew jitilfu xi ftit mis-saħħa tagħhom. It-taħriġ pero’ dejjem jgħin sabiex persuna tibqa’ f’saħħitha b’mod aħjar.

Fuq livell psikoloġiku, il-psikologa Anna Scelzo tgħid li individwu jibda jħossu anzjan fil-waqt li jibda jħoss li l-irwol soċjali tiegħu jiġi kompromess. Il-bniedem ma jħossux tajjeb meta jinnota li m’għadux wisq rilevanti fis-socjetà. Għalhekk huwa importanti li meta bniedem jasal għall-pensjoni jżomm ruħu attiv b’modi differenti bħal ngħidu aħna l-volontarjat. Li bniedem iħoss li għandu funzjoni għan-nies ta’ madwaru tgħinu ma jintelaqx.

Hemm fatturi oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati. Madanakollu, aktar milli nagħtu importanza   lin-numri, għandna nagħtu kas il-qagħda ta’ saħħitna: kemm fiżika u kemm mentali. Meta bniedem  jieħu ħsieb dawn iż-żewġ fatturi, is-sens ta’ anzjanità tinħass li tkun qiegħda aktar ’il bogħod.

 

U intom, kif taħsbuha?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com