Taf minn fejn oriġina l-Lego ?
Bil-lego żgur li sema’ kulħadd. Blokki ta’ qisien differenti illi bihom tista’ tibni mudelli sħaħ. Min jaf kemm lgħabna bihom meta konna tfal. Minbarra t-tfal, hawn adulti li mhux biss togħġobhom il-lego, imma huma ukoll kollezzjonisti ta’ l-affarjiet li għandhom x’ jaqsmu mal-lego
Il-kumpanija Lego twaqqfet f’ Billund fid-Danimarka, raħal li fis-sena tat-twaqqif tal-kumpanija kellu biss 259 persuna jgħixu fih. F’ dak iż-żmien kien hemm kriżi ta’ xogħol, inkluż fl-agrikultura, u għalhekk ħafna nies kienu jaraw x’ jivvintaw sabiex ma jbatux il-pil.
Ole Kirk Kristiansen, mastrudaxxa li kien wieħed mill-ftit residenti ta’ Billund kien beda jagħmel ġugarelli tal l-injam. Dawn il-ġugarelli malajr kisbu popolarità u dak li beda f’ raħal żgħir infirex għal madwar id-dinja. Ovvjament il-mod ta’ kif jinħadmu l-ġugarelli inbidel sew maż-żmien.
Il-kelma Lego ġejja minn taħlita ta’ żewġ kelmiet bid-daniż: Leg u Godt li jfissru Tilgħab u Sew rispettivament.
Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li l-kumpanija Lego hi sors ta’ ekonomija f’ Billund u l-madwar. Tħaddem ammont kbir ta’ nies, fosthom fit-Theme Park u l-water park, Lalandia Billund. B’ dawn il-proġetti, il-kumpanija Lego mhux biss tat sehem dirett biex jinħolqu l-impjiegi, imma għamlet effett qawwi fuq l-ammont ta’ turisti li jżuru din il-parti tad-Danimarka.
Dak li għamel Kristiansen jurina li bniedem qatt m’ għandu jaqta’ qalbu għax bi ħsieb u għaqal jista’ jasal fejn jixtieq