Taħseb li inti beżżul jew beżżula?
Temmen li l-isfortuna qed tiġri warajk? Temmen li tagħmel x’tagħmel bosta affarijiet jiġuk dejjem ħażin? Temmen li twelidt taħt stilla ħażina u li destinek hu dak li tfalli u taqla’ fuq wiċċek minkejja li tagħmel dejjem l-aħjar f’kollox?
Hemm min jagħmel xhur sħaħ ta’ preparazzjoni jew studju biex meta jasal il-waqt tal-prova tinqala’ xi ħaġa mhix mistennija u kollox jisfagħlu suf!
Hemm min ikun ilu joħroġ xhur jew snin ma’ persuna li naħsbu li kienet tħobbna biex jasal dak il-jum meta r-relazzjoni tispiċċa ħażin.
Hemm min ifittex post għall-kwiet, ’il bogħod mill-folol u t-traffiku, imma l-istorbju bħal jiġri warajh.
Oħrajn ma jħobbux ir-riħa tas-sigaretti jew tal-għaraq u minkejja kollox jispiċċaw biex isibu ruħhom bla ma jridu ħdejn xi chain smoker jew persuna b’riħa t’għaraq taqsam.
U xi ngħidu għall-parking? Inti fost dawk li tmur fejn tmur u fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata dejjem issib tipparkja bla problemi kważi eżatt quddiem il-post fejn xtaqt? Jew inti fost dawk li meta joħorġu bil-karozza dejjem jinzertaw xi okkażjoni speċjali, xi party organizzat mill-kunsill jew mill-każin, jew tkun qed issir xi manutenzjoni fit-toroq bil-konsegwenza li ma ssibx xaqq wieħed fejn tipparkja?
Ġieli ġew dawk il-waqtiet meta wħud tilfu saħansitra l-ajruplan minħabba ħabta f’arterja tat-traffiku ewlenija li bblukkat nofs Malta!
Esperjenza oħra li xi wħud għaddejna minnha hija dik meta nkunu organizzajna xi festa bejn il-ħbieb id-dar tagħna, bil-pjan li naraw xi logħba futbol jew xi serje tv u f’daqqa waħda, fl-aqwa mument tal-lejla jinqata’ d-dawl!
Xi drabi nidħlu ġo ħanut tal-ħwejjeġ u jogħġbuna xi flokk sabiħ jew xi libsa attraenti imma f’dak il-mument inħossu li l-prezz hu għali żżejjed. Imbagħad meta mmorru lura d-dar nibqgħu nhewdnu dwar il-ħaġa li ma akkwistajniex tant li mmorru biex nixtruha l-jum ta’ wara imma jgħidulna li tkun inbiegħet u mhemmx iktar bħalha.
Inti qatt għaddejt minn esperjenzi bħal dawn? Kien hemm waqtiet meta ħassejtek verament beżżul jew beżżula?