Tiċċekja li l-ammont ta’ paga li qbadt hu l-ammont it-tajjeb?
Is-salarju ikun qed jistennih kulħadd. Kemm dawk li jaqalgħu paga għolja, kif ukoll dak li d-dħul tagħhom huwa inqas. Kulħadd jistenna dik il-ġimgħa illi jirċievi l-ħlas tax-xogħol li jkun wettaq fil-ġimgħa, ġimgħatejn jew xahar ta’ qabel
L-anqas ħaġa li jkollok aptit huwa li tinduna li l-ammont ta’ flus iddepożitati fil-kont bankarju tiegħek huwa anqas minn dak ikkalkulat li ser iddaħħal. Hemm ftit somom illi wieħed irid jagħmel biex ikun jaf kemm ser iddaħħal flus. Mhux l-ewwel darba li min jaħdem il-pagi jieħu xi żball żgħir, u għalhekk tajjeb li tkun taf mhux biss x’ int dovut, imma ukoll x’ taxxi suppost tħallas, sabiex tkun tista’ tinforma lill-kumpanija bl-iżball. U ovvjament tirċievi d-differenza fil-paga ta’ wara
L-ewwel ma trid tkun taf huwa kemm hu s-salarju bażiku tiegħek. B’ hekk tkun tista’ tikkalkula l-bolla dovuta ukoll. Jekk tkun taf kemm għandek salarju, tista’ taħdem affarijiet oħra marbuta mal-bażiku, eżempju r-rata tas- sahra u l-ħlas marbut ma’ xogħol maħdum fil-Ħdud u festi pubbliċi
Jekk tirċievi xi allowances, tajjeb li tkun taf kemm huma u kull meta jitħallsu. Jekk l-allowances mhux fissi, ipprova tgħallem kif jinħadmu
Ħaġa oħra li importanti nitgħallmu hi kif tinħadem it-taxxa. Ara f’ liema kategorija taqa’ ( persuna waħedha għal skop ta’ taxxa, persuna miżżewġa jew ġenitur). Idħol fil-websajt tad-dipartiment tat-taxxi ( IRD) u aħdem il-formula skont id-dħul tiegħek
Importanti ukoll li tkun taf kemm għandek ġranet ta’ frank ( leave) , kif ukoll ġranet ta’ sick leave. Magħhom iċċekja xi leave ieħor li tista’ tkun intitolat għalih
Dawn l-affarjiet kollha tagħmilhom? Jew toqgħod b’ li jtuk ?