Tiftakar meta għamilt taħtek?

 Tiftakar meta għamilt taħtek?

Din hija esperjenza li ġieli nitkellmu dwarha, forsi f’kuntesti partikolari, biex fl-aħħar nispiċċaw nidħqu daħqa bejn il-ħbieb. Mhix esperjenza li tikteb dwarha.

Apparti ċ-ċajt. Meta nagħmlu taħtna hi sitwazzjoni ta’ inkontinenza u tista’ tkun kawża ta’ raġunijiet differenti: dijarrea, irritable bowel syndrome (jew IBS), mard infjammatorju tal-musrana, jew intolleranza għall-lattożju. Sitwazzjoni bħal din tista’ tkun ukoll sinjal ta’ ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa, bħal dijabete jew saħansitra problemi newroloġiċi.

Imma, lil hinn minn dan kollu, hemm dawk id-drabi meta jekk inħarsu lura u nirraġunaw ftit, nifhmu r-raġuni wara esperjenza ftit jew wisq umiljanti bħal din. Spiss, li tagħmel taħtek tkun esperjenza ta’ darba f’mitt qamar.

Hekk pereżempju, jista’ jiġri li f’jum wieħed inkunu esaġerajna fil-konsum ta’ prodotti magħmulin mill-ħalib. Kien hemm darba minnhom meta kilt tliet ġelati f’jum wieħed, u xi sigħat wara qalli “Hawn irridek!” Niftakar kont ġo bar mal-ħbieb u ħassejt dik il-barma antipatika ta’ darba fill ġejja. Skużajt ruħi u mort niġri l-kamra tal-banju. Fraħt meta rajtha nadifa, imma ksaħt meta indunajt li l-bieb ma jingħalaqx u li kien ’il bogħod sewwa mit-toilet. Allura ddeċidejt li naħrab lejn id-dar. Wara għoxrin minuta ta’ purgatorju niġġieled mal-barma, ipparkjajt, imma hekk kif qed niftaħ il-bieb moħħi bħal ta sinjal u “Puff!” spiċċajt għamilt taħti. Nieqaf hemm għax il-bqija faċilment jista’ jinftiehem x’ġara.

Hemm min jgħaddi minn esperjenza bħal din għax ikun kiel xi ħaġa li ma qablitx miegħu. Oħrajn ikunu ħalltu ikel differenti flimkien li fl-aħħar mill-aħħar joħloq taqliba sħiħa fl-istonku.

Hemm min ibati minn din l-esperjenza xejn sabiħa regolarment. Tliet affarijiet x’nistgħu nagħmlu:

  • Nikkontrollaw dak li qed nieklu u nbiddlu d-dieta fejn meħtieġ;
  • Nieħdu ċerti mediċini mogħtija lilna direttament mill-farmaċista, basta għal perjodu kkontrollat;
  • Nagħmlu dawk li jgħidulhom eżerċizzji Kegal. L-issikkar u l-illaxkar tal-muskoli pelviċi ħafna drabi kuljum jistgħu jsaħħu l-muskoli tal-partijiet tal-ġisem marbutin mal-proċess ta’ ppurgar.

Inti tiftakar xi episodju meta għamilt taħtek? Għaliex ġralek hekk? Fejn kont?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com