Timxi ħafna? Tesaġerax għax taf tweġġa’!
Ħafna jaħsbu li l-mixi huwa attività rikreattiva iktar milli sport, imma l-għanijiet huma l-istess: ittejjeb il-benessri, ir-reżistenza u s-saħħa kardjo-vaskulari tiegħek. Imma jekk teżerċita żżejjed biex tissaħħaħ fi żmien qasir jaf iżidlek ir-riskju li tweġġa’ jew taqa’ żorba (burnout).
Mela, biex tibbenefika mill-mixi jeħtieġ qabel nett tfassal programm li jippermettilek iżżid gradwalment fil-volum u fl-intensità tal-eżerċizzju li tkun se tagħmel. L-ammont ta’ mixi li tagħmel jiddependi mit-tip ta’ persuna li int u mit-tip ta’ ġisem u piż li għandek.
Bħala bidu hu tajjeb li nibdew nimxu 15-il minuta b’pass komdu. Tkun taf li hu pass komdu għax jirnexxilek tgħid sentenzi sħaħ mingħajr ma taqta’ nifsek. Bil-mod il-mod, ġimgħa wara l-oħra, tista’ żżid sa 30 minuta b’pass iktar mgħaġġel.
Però, mixi żżejjed għandu wkoll ir-riskji tiegħu. Fost is-sintomi li tista’ tesperjenza meta tesaġera fil-mixi hemm dawn: tidba tonqos il-prestazzjoni tiegħek, dipressjoni, togħla r-rata tal-qalb meta tkun mistrieħa, l-affarijiet jew il-persuni jibdew jirritawk iktar, telf ta’ aptit jew telf ta’ piż, korrimenti persistenti u kroniċi, għeja persistenti, tidba tħoss il-muskoli jibbiesu, jitqalu u jweġġgħuk, tibla’ spiss irjiħat, infezzjonijiet u wġigħ ta’ ras rikorrenti.
Dan kollu jseħħ meta l-ammont ta’ eżerċizzju fiżiku li tagħmel ma jħallix lil ġismek jirkupra. Dan jista’ jwassal għall-overtraining syndrome.
Ma tistax tibda timxi billi tesaġera: la għandna ngħaġġlu żżejjed għall-bidu u lanqas intawlu wisq bħala distanza. Hemm ukoll il-mod korrett kif timxi. Dan jinvolvi l-qagħda korretta ta’ ġismek, it-tul tal-pass li tagħti, il-mod kif tpoġġi sieqek mal-art, u anki ż-żarbun jew papoċċ li tilbes. Iktar kemm noqogħdu attenti għal dawn il-fatturi iktar hemm iċ-ċans li nnaqqsu l-istress fuq l-għekiesi, l-irkopptejn, il-ġenbejn, u l-parti t’isfel tad-dahar.
Xi suġġerimenti oħra huma dawn:
- alterna bejn jum fejn tagħmel mixja li tegħjik u ieħor fejn tistrieħ jew timxi iktar bil-mod;
- saħħan il-muskoli qabel il-mixja u agħmel ftit stretching kemm qabel u kemm wara;
- żid gradwalment imma ibqa’ konsistenti fil-workout tiegħek.
Eżerċita, imma ibża’ għalik.