Tippreferi taqta’ xagħrek id-dar jew għand barbier/hairdresser?
Appuntament regolari li mdorrijin nagħmlu huwa dak għand il-barbier jew il-hairdresser ladarba fuq kif jikber xagħarna m’għandniex kontroll. Hemm min iħobb iżur il-barbier/hairdresser kull ġimgħa, oħrajn kull ġimagħtejn u persuni oħra kull meta jaraw li xagħarkom tilef kull forma u m’għadhomx preżentabbli.
Inti persuna minn dawk li tħobb tagħmel appuntament mal-barbier jew hairdresser, jew tmur għand dawk li ma jżommux appuntamenti u ma tiddejjaqx tistenna meta jasal ħinek?
Huwa veru li għal ċerti persuni ħarġa għand il-barbier jew hairdresser hija okkażjoni soċjali? F’dak il-ħanut ċkejken, jew ftit ikbar, tiltaqa’ man-nies kemm tar-raħal kif ukoll ma’ oħrajn li qatt ma tkun rajt qabel. Waqt li tkun qed tistenna tisma’ kull tip ta’ storja u kumment u kapaċi ssir taf ħwejjeġ li ma tismagħhomx fuq l-edizzjonijiet tal-aħbarijiet fuq ir-radju jew televiżjoni.
Fil-ħanut tal-barbier jew hairdresser, tiltaqa’ ma’ kull tip ta’ karattru. Hemm min ma jgħidx kelma u jippreferi jisma’ fil-kwiet. Hemm min ilsienu ma jikkontrollahx u għalhekk ma jiqafx itaqtaq, bejn xi ċajta jew ħmerija, bejn jirrakkonta x’seħħlu matul il-jum jew ma’ min iltaqa’ jew ma’ min kellu xi jgħid. Tisma’ ħafna bullxittjati, minn dawk awtentiċi, ħmerijiet li jingħadu għall-okkażjoni biex min jgħidhom iħossu cool, b’saħħtu, li jasal… Hemm min ma jirnexxilux jgħid tliet kelmiet bħal ma r-raba’ waħda tkun dagħwa jew kelma faħxija, hekk għall-enfasi jew għall-effett.
Imbagħad hemm il-barbier jew il-hairdresser. Jistgħu jkunu minn dawk li jagħżlu li jagħmlu xogħolhom bla ma jgħidu kelma. Oħrajn però jħobbu jixħtu iktar ħatab fin-nar biex bħal jinkuraġġixxu lil dak jew dik li jkunu jkomplu jitkellmu, jikxfu l-qrejjen tal-proxxmu, u b’hekk ma jarawx il-ġurnata tax-xogħol twila.
Hemm min minn dan kollu xeba’ u għażel li jew iġib il-hairdresser direttament id-dar, anki jekk ikollu jħallas iktar, jew investa f’magna li taqta’ u tittrimmja x-xagħar u tgħallem jirranġa waħdu. Basta ’l bogħod mill-paroli u minn ilsien in-nies.
Int x’tippreferi? X’inhuma l-istejjer li tisma’ għand il-barbier/hairdresser?