Titħajjar żżur l-Armenia?
Meta niġu biex nivvjaġġaw, wisq probabbli, ħafna minna qatt ma ħasbu fl-Armenia bħala pajjiż li wieħed jista’ potenzjalment iżur. Pero’ li kieku kellna nagħtu kas x’joffri l-post, żgur li jkun hemm ħafna li jbiddlu l-fehma.
Għalkemm ħafna għandhom l-impressjoni li l-Armenia huwa stat Musulman, ir-realtà hija li 90% tal-popolazzjoni hija Kristjana. Il-pajjiż huwa pont bejn il-kontinent Ewropew u dak Ażjatiku. Il-pajżaġġ huwa ta’ sbuħija unika. Ser insemmu xi postijiet li wieħed jista’ jżur jekk immur il-Yerevan, il-kapitali tal-Armenia.
- Il-Yerevan Cascade
Din il-Cascade hija waħda mill-iktar siti turistiċi l-aktar popolari. Il-binja fiha aktar minn 500 tarġa u mqassma fuq ħames livelli. Hemm ukoll l-aċċess għal-lift. Fil-post hemm kollezzjoni ta’ arti storika u kontemporanea. Min ikun hemm jista’ jgawdi wkoll veduta mill-aqwa tal-belt.
- Hraparak – Pjazza Repubblika
Din il-pjazza hija l-iktar parti ħajja tal-belt fejn anke mixja mal-madwar iġġennek biex tgawdi l-atmosfera. Minbarra li hemm bini majestuż amministrattiv, hemm ukoll in-National Gallery u l- Mużew tal-Istorja. Hemm ukoll funtana mużikali, magħrufa bħala Pulpolak u li ġiet imwaqqfa fl-1965.
- Il-fabbrika tal-brandy ta’ Ararat
Għal min iħobb il-qatra, ma jistax jitlef il-fabbrika tal-brandy Ararat. Waqt li tkun qed tieħu grokk ikollok iċ-ċans issir taf aktar mill-qrib l-ospitalità tan-nies tal-post. Fil-fabbrika jsiru ‘tasting sessions’ u waqt kull sessjoni tkun tista’ tesplora l-Istorja u t-tradizzjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-brandy Armen. Żgur li post simili joffri esperjenza awtentika.
- Il-Monsateru Khor Virap
Dan il-Monasteru, minn barra li joffri l-faxxinu tiegħu, jagħti wkoll l-opportunità lill-viżitaturi li jgawdu veduta eċċezzjonali tal-quċċata tal-muntanja Ararat. Il-Monasteru jmiss mat-Turkija u huwa l-aqwa punt biex wieħed igawdi x-xenarju tal-Muntanja. Għal ħafna Armeni, is-sit huwa post sagru tant li ħafna jqisuh ukoll bħala lok ta’ pellegrinaġġ. Fil-fatt, meta wieħed jkun hemm, m’għandux jitlef il-ħofra ta’ sitt metri li kienet tintuża bħala ħabs. Ħafna jemmnu li ġo dan il-ħabs kien jinżamm San Gorg, qaddis importantissimu għall-Kristjani Ortodossi.