Tliet ibniet ta’ 11-il sena jsalvaw lil ġarha tagħhom milli tinħataf

 Tliet ibniet ta’ 11-il sena jsalvaw lil ġarha tagħhom milli tinħataf

Tliet ibniet li għandhom 11-il sena qed jiġu msejħa eroj wara li rnexxielhom isalvaw lil ġarha tagħhom ta’ 6 snin minn attentat ta’ ħtif f’Kent, Washington.

Id-dipartiment tal-pulizija ta’ Kent, permezz ta’ post fuq Facebook spjegaw kif seħħ il-każ. Qalu li rċevew telefonata minn xhud li rat raġel jipprova jaħtaf tifla żgħira. Wara li x-xhud iddiskriviet lir-raġel, l-uffiċjali tal-pulizija waslu fuq il-post u rnexxielhom jaqbduh. 

Wara li r-raġel ġie arrestat, tliet ibniet ta’ 11-il sena qalu lill-pulizija li huma kienu mixjin lejn il-vann tal-ġelat meta nnutaw li t-tifla li toqgħod ħdejhom kienet qed tinżamm minn raġel li qatt ma raw qabel. Hu kien qed iżommha mill-polz u t-tifla dehret imbeżża’ filwaqt li nstemgħet tgħid lir-raġel biex jitlaqha.

Il-bniet bdew jirrekordjaw fuq il-mowbajl tagħhom u resqu viċin tar-raġel. Dan refa’ lit-tifla u pprova jimxi ‘l bogħod minnhom. Dawn iżda bblukkawlu l-passaġġ u staqsewh jekk kienx jaf lit-tifla. Hu qal li iva, iżda t-tifla għamlitilhom sinjal b’rasha biex tgħidilhom li ma tafx min hu. Ir-raġel niżżel lit-tifla mal-art u pprova jaħrab, waqt li l-bniet ħadu lit-tifla lura fl-appartament fejn toqgħod.

Aktar tard, il-ġenituri tat-tifla kkonfermaw li r-raġel kien stranġier. Membru tal-familja li tkellem ma’ ġurnal f’Seattle qal li kienu xxukkjati u li huma grati ħafna għall-persuna li kkuntattjat lill-pulizija u li wasslet biex jinqabad ir-raġel.

Is-suspettat huwa raġel ta’ 40 sena minn Kent stess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com