Toħlom ikrah spiss? Kif jorbot dan mad-dimensja?
Huwa xjentifikament magħruf li nqattgħu terz ta’ ħajjitna reqdin. Kwart mill-ħin li nqattgħu reqdin ngħadduh noħolmu. Mela, jekk ngħixu 73 sena, inkunu qattajna bejn wieħed u ieħor sitt snin minnhom noħolmu.
Minkejja dan xorta għadna nafu ftit ħafna dwar għaliex noħolmu, kif il-moħħ joħloq il-ħolm, u x’rabta hemm bejn il-ħolm u s-saħħa mentali tagħna.
Min ikollu ħolm ikrah jew ħmar il-lejl frekwenti (minn dawk li jqajmuk maħsud matul raqda) u ladarba jaqbeż il-mezz’età jew iktar, jista’ jġorr fih possibbiltà akbar li taqbdu d-dimensja.
Nistaqsi, liema huma l-ħolmiet koroh li tiftakru u li qajmukom b’ħasda matul il-lejl? Meta jien għamilt żmien nara ċerti films tal-biża’ filgħaxija, kont noħlom spiss li qed jiġru warajja grupp ta’ klieb imġewħin u jiena ħsiebi nara fuq liema ċint għoli se nitla’ biex naħrab minnhom u ma jilħqunix! Kien hemm żmien meta kont noħlom li qed naqa’ mill-għoli biex meta nqum insib ruħi fl-art fil-ġenb tas-sodda. Dan b’xi mod ifisser li ’l quddiem hemm il-possibbiltà li nbati bid-dimensja? Ma nafx dan kienx l-effett ta’ xi film ikrah jew ta’ xi ikla ġobon li kont nagħmel qabel norqod!
Studji speċjalizzati wrew li persuni ta’ mezz’età li joħolmu ikrah kull ġimgħa kellhom it-tendenza li jġarrbu tnaqqis konjittiv (cognitive decline) erba’ darbiet iktar fid-deċennji ta’ wara. Instab ukoll li r-rabta bejn ħolm ikrah u l-possibbilta ta’ dimensja fil-ġejjieni kienet iktar b’saħħitha fl-irġiel milli fin-nisa.
Inġenerali mela, ir-riżultati miksubin jissuġġerixxu li meta toħlom ikrah spiss jista’ jkun wieħed mis-sinjali bikrija ta’ dimensja, u dan jista’ jseħħ saħansitra bosta snin qabel bniedem – l-iktar l-irġiel – jibda jbati minn problemi fil-mod kif jaħseb u jiftakar. Instab ukoll li l-ħolm ikrah stess spiss jista’ jkun il-kawża li twassal għad-dimensja.
Aħbar tajba hi li l-ħmar il-lejl jista’ jiġi kkurat u meta jseħħ dan ikunu qed jiġi mnaqqsin fina l-ammonti ta’ proteini abnormali marbutin mal-marda tal-Alzheimer. Meta l-ħmar il-lejl jiġi kkurat, isir progress fil-ħila tagħna ta’ kif naħsbu u nimmemorizzaw.
Sors: sciencealert.com