Veru li Donald Trump jisraq partijiet mid-diskorsi tiegħu mill-films?

 Veru li Donald Trump jisraq partijiet mid-diskorsi tiegħu mill-films?

Spiss nisimgħu li l-kelma hija iktar b’saħħitha mix-xabla. Nafu wkoll li l-kelma hija importanti ħafna bħala għodda f’ħalq nies bħall-politiċi, l-avukati, jew is-saċerdoti, li kollha kemm huma jridu jwasslu l-messaġġ tagħhom u jikkonvinċu lil ta’ madwarhom.

Kemm-il darba stagħġibna quddiem xi diskors li jkun għadu kemm għamel xi politiku waqt xi mass meeting jew laqgħa? Imma ġieli wkoll staqsejna jekk diskors bħal dak kienx verament hu li ppreparah jew kienx hemm ħaddieħor li kitibhulu.

U dan iwassal għal video li kien deher fl-2017 u li reġa’ sar virali fuq l-internet f’dawn il-jiem li juri lil Donald Trump waqt xi diskorsi minn tiegħu jgħid ċerti kliem jew frażijiet partikolari, u fl-istess ħin jiġi mqabbel ma’ djalogi jew partijiet minn films li waqthom atturi jkunu qalu bejn wieħed u ieħor l-istess kliem. Dan hu każ ta’ serq, jew, kif jingħad teknikament, plaġju, anzi iktar minn wieħed?

Il-video inkwistjoni kien inħoloq apposta għal The Tonight Show immexxi minn Jimmy Fallon, u jqiegħed ħdejn xulxin partijiet mill-indirizz li kien għamel Trump u diskors ta’ gradwazzjoni mill-kummiedja romantika Legally Blonde tas-sena 2001, b’Reese Witherspoon bħala l-protagonista.

F’Mejju ta’ dik is-sena, fil-Liberty University ta’ Virġinja, Trump jgħid kliem tip: “Tibżgħux tidħlu fid-dinja. Uru passjoni u kuraġġ fil-konvinzjonijiet tagħkom, imma fuq kollox kunu intom stess. Jien irnexxieli.” Intant, Elle, il-persunaġġ ta’ Witherspoon f’Legally Blonde, tgħid dan il-kliem: “Nagħmlu l-passi li jmiss fid-dinja, b’passjoni u b’kuraġġ fil-konvinzjoni tagħna, u fuq kollox, fiduċja fina nfusna. Aħna rnexxielna.”

Dan kollu reġa’ ttella’ fuq X (sa ftit ilu Twitter) dil-ġimgħa, ġibed mal-10 miljun u nofs views u iktar minn elf kumment.

Skont rapport tal-ġurnal Mirror, darb’oħra Donald Trump seraq kliem li l-persunaġġ ħażin Bane fil-film The Dark Knight Rises (2012) tas-serje Batman, kien qal: “Nagħti lura l-poter lilek… il-poplu.” Fis-sena 2017 Trump kien akkużat li uża kliem simili: waqt il-ġurament tal-ħatra hu wiegħed li jieħu lura l-poter minn id l-elite u “jagħtih lura lilek – il-poplu”.

Inti x’taħseb dwar dan?

(Sors: mirror.co.uk)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com