Xi ħmieġ ta’ xmara! Maratoni, protesti u iktar…
Nhar is-26 ta’ Lulju li ġej jiftaħ il-Logħob Olimpiku 2024 f’Pariġi. Ix-xmara Seine li torbot lil Pariġi mal-port ta’ La Havre u li tgħaddi minn nofs din il-belt kapitali, daqt se tkun protagonista ladarba fiha se ssir il-maratona tal-għum. Imma hemm bosta li huma inkwetati dwar l-indafa tal-ilma ta’ din ix-xmara – li ilha sekli twal isservi bħala mezz ta’ trasport – u għalhemm jafu li minkejja l-biljun u nofs ta’ euro li l-gvern Franċiż nefaq f’proġett biex inaddaf is-Seine, ir-riżultati baqgħu ma jippromettux.
Kemm il-President Franċiż Emmanuel Macron, kif ukoll is-sindku ta’ Pariġi kienu wiegħdu li jgħumu fis-Seine fit-23 ta’ Ġunju li għadda, imma dan ġie postpost għall-15 ta’ Lulju 2024, ġimagħtejn biss qabel il-ftuħ tal-Logħob Olimpiku.
Din il-biċċa qajmet kontroversja sħiħa u b’hekk ma setgħetx titħalla għaddejja qisu xejn mhu xejn mill-Pariġini, nies li storikament huma magħrufin li taqbżilhom u jipprotestaw bis-serjetà. Għalhekk matul ix-xatt tas-Seine twaħħlu għaxriet ta’ tazzi tat-toilets biex jekk il-proġett tat-tindif tax-xmara ma jirnexxix il-protestanti joħorġu fit-triq u jagħmlu “number 2” fis-Seine! Din ġiet imsejha il-“Paris Poop Protest”.
Din il-protesta twieldet bħala ċajta imma malajr kibret għall-istatura ta’ moviment. L-intenzjoni tagħha kienet anki dik biex jintwera li l-gvern Franċiż nefaq miljuni ta’ euro żejda biex inaddaf is-Seine mhux biex jaqdi lill-Franċiżi imma biex jintogħġob mal-mistednin li se jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku u anki mat-turisti li jkunu jridu jgħumu f’dik l-okkażjoni u b’hekk ma jaqax għaċ-ċajt quddiemhom. Il-protesta kisbet l-attenzjoni kemm tal-midja soċjali kif ukoll tal-influencers li tellgħu bosta ritratti tal-istat maħmuġ li fiha tinsab is-Seine.
L-għum olimpiku se jseħħ fuq jumejn: fit-8 t’Awwissu hemm l-għawma ta’ 10 km tan-nisa, u jum wara se ssir dik tal-irġiel. S’issa dan se jseħħ fis-Seine, u jibda mill-Pont Alexandre III.
Minkejja li mhix konvenzjonali, kontroversjali u unika, il-“Paris Poop Protest”, toħroġ għad-dawl il-bżonn li għandhom jinstabu soluzzjonijiet effettivi u fit-tul għal sfidi ambjentali bħal dawn.