X’kienet issejħilkom ommkom meta kontu tirrabjawha sewwa?
Kulħadd kien tifel jew tifla xi darba u għalhekk min jaf xi praspar konna nagħmlu u kemm-il darba qabbiżnieha lill-ġenituri tagħna tant li mhux l-ewwel darba rrabjajniehom u min jaf x’espressjonijiet tefgħulna daqslikieku kienu ġebel.
L-aktar espressjonijiet kienu jingħadu mill-ommijiet, anki għax fis-snin ’70 u ’80, parti kbira min-nisa kienu jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb il-familja, filwaqt li l-irġiel kienu jkunu barra fuq il-lant tax-xogħol. Illum iż-żminijiet inbidlu ladarba anki l-mara ħarġet taħdem biex tgħin finanzjarjament lill-familja. Niftakru wkoll li dak li kien jintqal lit-tfal fl-imgħoddi llum ma jistax jintqal għax hemm liġijiet li jipproteġu lit-tfal anki kontra l-abbużi verbali.
Wara vox pop żgħir li għamilt ma’ ħbiebi, ħriġt b’dawn ir-riżultati. Hemm espressjonijiet moderati, ħafna minnhom immirati li jbeżżgħu lit-tfal imqarbin b’mod imrażżan. Fost dawn insibu: “Kemm int qżież!” (filwaqt li jintwera ċ-ċinturin bħala theddida), “Aqtagħha!”, “Għedtlek agħmel hekk għax jien naf x’jiġifieri!”, “Aħjar teqred biha milli tibki għaliha!”, “Ara ħa nċempel is-Salvatur” (filwaqt li taqbad it-telefown u tibda ddawwar in-numri), “Issa nqiegħdek!” (b’ħarsa kerha tat-twerwir), “Issa nħallsek!”, u “Issa nugżak lil missierek!”.
Espressjonijiet oħrajn kienu ftit iktar b’saħħithom, fosthom: “Jekk ma tobdix jiġi Ġesù jaħraqlek l-imħadda!” (Ġesù mlibbes ta’ bniedem vjolenti!), “Il-Bambin se jibgħatlek faħma!”, “Ħaqq ommok li jien jien!”, “Baslaaa!”, “Mur ’l hemm pulċinell!”, “Ja ħanex u ardit!”, “Nirrak tiżżewweġ Għawdxija!” (tgħid min jaf għaliex?), “Ngħollik!”, “B’rasek idur!”, u “Naqfluk f’istitut!”
Kien hemm espressjonijiet ħorox tassew li llum jekk tgħidhom żgur tiġi fl-inkwiet, bħal “Jekk tweġġa’/taqa’ nkompli ntik!”, “Ja xifajk!”, “Dimonju!”, “Mingħul!”, “Int ta’ barra minn hawn!”, “Inwaddablek dimonju għal rasek!”, “Inħanxrek!”, “Inqaxxrek ħaj!”, “Inbenġlek!”, “Innittfek!”, “Ħa niżbranak!”, “Inkissirlek wiċċek!”, “Itlaq minn quddiemi għax naqsmek!”, u “Inkaħħlek ma’ ħajt!”
Mamma mia! Dawn tal-aħħar l-iktar huma espressjonijiet li tismagħhom waħda wara l-oħra llum jaqtgħulek nifsek u jkexkxuk! Imma taħsibx li kienu jimpressjonaw ħafna lit-tfal tal-bieraħ! Imqarbin kienu u mqarbin baqgħu.
Inti tiftakar jew smajt espressjonijiet ta’ dan it-tip?