X’qed iseħħ fuq xi xtajtiet tal-Mediterran
Fil-Greċja bħalissa għaddejja battalja kontra dawk l-istabbilimenti li jimlew l-ixtajtiet bid-deskchairs u l-umbrelel mingħajr permess u mingħajr ma jħallu post adegwat għal min irid igawdi l-baħar bla ma jinqeda mis-servizz tagħhom.
Is-sistema mħaddma hija dik ta’ drones apposta li jissorveljaw l-ixtajta kontra min jabbuża mil-liġi. Skont regolamenti ġodda li daħlu fis-seħħ f’Marzu 2024 id-deckchairs u l-umbrelel jistgħu jitpoġġew biss erba’ metri ’l bogħod mix-xatt. Id-drones qed jiġu megħjuna wkoll miċ-ċittadini tal-lokal permezz tal-applikazzjoni diġitali MyCoast fejn hemm lista ta’ stabbilimenti li joperaw legalment u tinkoraġġixxi lil dak li jkun jirrapporta vjolazzjonijiet tal-liġi.
Sistema bħal din qed taħdem ladarba ġie rrapportat li aktar kmieni dax-xahar saru mal-elf ilment li sarrfu f’€350,000 f’ċitazzjonijiet li ngħataw f’ħamest ijiem. L-għan huwa dak li jiġu protetti l-ambjent u anki d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess b’xejn għax-xatt, imma anki dak li jiġi protett il-prodott turistiku u negozju san rappreżentat minn nies li tagħmel xogħolha sewwa.
F’Gallipoli, belt li tinsab fit-takkuna tal-peniżola Taljana u tmiss mal-baħar Jonju, kien hemm protesti minħabba nuqqas ta’ parkeġġ. L-awtoritajiet lokali ma tawx permess li jinfetaħ parkeġġ li jesa’ mat-300 karozza minħabba li ntqal li kien spazju ta’ importanza ekoloġika u anki arkeoloġika. Ir-riżultat kien li min xtaq igawdi x-xtajta ta’ Gallipoli kellu jipparkja iktar minn kilometru ’l bogħod, xi ħaġa impossibbli f’dawn it-temperaturi estivi għoljin. Qed ibati l-business lokali minħabba nuqqas ta’ għawwiema.
Min-naħa l-oħra f’Malta għandna xtajtiet bħall-Għadira fejn il-problema tas-siġġijiet u umbrelel żejda ġiet solvuta, bi spazji apposta mħollijin ħielsa għal dawk li jkunu jixtiequ jgawdu r-ramla bla ma jidħlu fi spejjes żejda. Dan huwa sinjal tajjeb u żvilupp pożittiv favur iċ-ċittadin. Imma fuq nota negattiva, hemm bajjiet oħrajn – bħal dik tal-Balluta – li ġew magħluqin minħabba dranaġġ li qed joħroġ fil-baħar u għalhekk sitwazzjoni ta’ kontaminazzjoni. Dan b’dannu kemm għal dawk li xtaqu jgawdu l-baħar f’post bħal dan kif ukoll għall-business tal-post li żgur ħa daqqa ta’ ħarta.
Inti x’taħseb dwar dan?