X’relazzjoni għandek mal-ġirien tiegħek?
Il-parti l-kbira tagħna l-Maltin ngħixu fl-irħula u fl-ibliet. Ftit ħafna huma dawk li joqogħdu f’post fejn ħdejhom ma jgħixx ħadd. Mela l-maġġoranza tagħna nafu xi jfisser li jkollok ġirien tajbin jew ħżiena. Hemm min wara jum ta’ xogħol imur lura f’daru u jaf li se jistrieħ bla tfixkil ta’ xejn, imma b’xorti ħażina, hemm ukoll dawk li donnhom jibżgħu jirritornaw f’darhom għax jafu li hemmhekk is-sitwazzjoni mhix ward u żahar.
Huwa importanti li jkollok ġirien li jafu x’inhu rispett lejn il-proxxmu u jifhmu wkoll li għalkemm huma liberi jagħmlu li jixtiequ, żgur mhumiex liberi jdejqu lil min jgħix ħdejhom. U llum din il-ħaġa tgħodd iktar ladarba aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien aktar Maltin qed jgħixu fi blokok ta’ appartamenti flimkien ma’ bosta familji oħrajn bl-istess żoni komuni bħalma huma t-taraġ, ix-xaft, il-bejt u l-lift jinqasmu minn kulħadd.
Min jgħix f’dar normali jaf isib ġirien tajbin mad-dawra. Isellmu malli tiġi wiċċ imb wiċċ magħhom, joħorġu l-borża taż-żibel fil-jum u fil-ħin stipulati, iżommu quddiem biebhom u anki parti mit-triq nadifa, jipparkjaw sura bla ebda storbju u qżież żejjed, u ma tindunax meta jkunu ġewwa jew barra darhom.
Hemm dawk li jagħmlu t-triq u l-bankina tagħhom. Karozzi pparkjati kullimkien, minkejja li xi wħud għandhom il-garaxx, imbarazz jimblokka l-bankina quddiem darhom, tbajja’ taż-żejt tal-karozza, riħa ta’ boroż taż-żibel sa minn filgħaxija, anki jekk taż-żibel jgħaddi tard filgħodu, għajat, dagħa u theddid kemm barra fit-triq kif ukoll kif jidħlu ġewwa darhom. U dan hu biss ftit!
Min jgħix fi flett jaf x’ifisser li jkollok ġirien ftit sensittivi. Hemm min jitkellem jgħajjat minnu u kull kelma li jgħid jew ħoss li jipproduċi jinstemgħu mal-blokka sħiħa. Hemm min iħallilek xi kelb barra fil-gallarija – jekk mhux ukoll fil-komun, minkejja li jkun kelb imdaqqas – matul parti kbira tal-jum u ħalliha l-povra kreatura tinbaħ bla rażan għal sigħat twal. Min jibqa’ biż-żarbun iħabbat ma’ kull pass li jagħmel, tfal jiġru daqs fi playground…
Inti x’relazzjoni għandek mal-ġirien tiegħek?