10 affarijiet li għandek tagħmel meta ssib xi ħaġa ta’ valur

 10 affarijiet li għandek tagħmel meta ssib xi ħaġa ta’ valur

Meta tkun għaddej fit-triq, jew tkun f’xi post partikolari u ssib xi ħaġa ta’ valur, bħal xi laptop jew mowbajl, l-ewwel tentazzjoni li tiġik hija li tieħdu. L-ingliż jgħidlek “finders keepers”… imma kemm hi ġusta din il-frażi? 

Immaġina darba fost l-oħrajn poġġejt il-laptop tiegħek f’post sakemm kont qed tagħmel xi ħaġa oħra, u f’daqqa waħda ddawwar rasek u dan jisparixxi. Forsi xi ħadd iddeċieda li jisirqu, forsi xi ħadd ħadu għax ħasbu li mitluf…Hi x’inhi r-raġuni, f’daqqa waħda dal-laptop jisparixxi. 

Hekk ġara lil żagħżugħ partikolari riċentament fil-Mosta. Kien ftit passi ‘l bogħod milli jdaħħal it-teżi tiegħu u l-laptop u l-harddrive li kien hemm it-teżi fuqha sparixxew f’leħħa ta’ berqa. Dan iż-żagħżugħ tħalla b’ħafna stress u sitwazzjoni diffiċli li tista’ tħalli riperkussjonijiet serji fuq il-futur akkademiku tiegħu.

 

Kulħadd tiġih it-tentazzjoni li meta jsib xi ħaġa, joħodha…aħna umani u ħadd m’hu perfett. Madanakollu, hawn taħt se nippruvaw ngħidulkom x’għandkom tagħmlu jekk issibu xi ħaġa ta’ valur.

  1. Evalwa s-sitwazzjoni – ħares madwarek, ara jekk forsi xi ħadd fil-viċinanzi tilifx dak li sibt inti.
  2. Irreżisti t-tentazzjoni – li żżomm l-oġġett mingħajr ma tipprova tirritornah mhux etiku.
  3. Żomm l-oġġett b’mod sikur – poġġih f’post sew u ara li żżommu sikur sakemm tipprova ssib lis-sid tiegħu.
  4. Fittex lis-sid – ara jekk l-oġġett li sibt jistax ikun fih xi tip ta’ identifikazzjoni jew kuntatt  tal-propjetarju jew xi ħadd li jafu.
  5. Agħmel rapport – jekk m’hemmx mod kif tagħmel identifikazzjoni tas-sid min-naħa tiegħek, agħmel rapport mal-pulizija.
  6. Kun af il-liġi – f’Malta persuna li ssib xi ħaġa mitlufa hija kostretta li tieħu l-oġġett li sabet fl-għassa tal-pulizija l-aktar viċin ta’ fejn sabitu wara mhux aktar minn tliet ijiem.
  7. Iddokumenta l-azzjonijiet li ħadt – ara li tieħu nota tal-passi kollha li għamilt biex tipprova tirritorna l-oġġett li sibt lis-sid oriġinali.
  8. Irritorna l-oġġett b’mod responsabbli – jekk jirnexxielek issib lis-sid, irritorna l-oġġett b’mod sikur, idealment f’post pubbliku.
  9. Kun etiku – li tirritorna l-oġġett li sibt hija l-azzjoni ġusta li tista’ tagħmel, irrilevanti jekk is-sid jagħtikx xi premju jew le. 
  10. Tgħallem minn din l-esperjenza – uża din l-esperjenza bħala tfakkira li għandek tieħu ħsieb tal-affarijiet tiegħek u tgħin lil ħaddieħor jagħmel l-istess.
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com