8 affarijiet li m’għandekx tagħmel meta tmur f’lukanda
- Tmurx l-għada li tkun ibbukkjajt il-kamra. Mhux se jħalluk toqgħod għax iqisuk li rrifjutajt il-booking. Kun żgur qabel tibbukkja u jekk ikollok dewmien ikkuntattja l-lukanda mal-ewwel ċans biex tirranġa.
- Tibbukkjax mingħand terzi għax issib problema jekk ikollok bżonn tibdel il-booking. L-impjegati, kontra qalbhom, ma jkunux jistgħu jaqduk għax ma tkunx ftehimt magħhom.
- Tibbukkjax dati żbaljati. Dan ikun tort tiegħek u inutli tirrabja mal-impjegati. Meta tidħol l-email b’konferma tal-booking, huwa dmirek tiċċekkja li għamilt kollox sew.
- Jekk l-impjegat jew is-sistema online jgħidulek li għad-dati u/jew il-kundizzjonijiet li tixtieq m’hemmx post, m’hemmx post. Ħafna joqogħdu jċemplu jew jibagħtu l-emails jistaqsu l-istess ħaġa. Huwa fl-interess tal-impjegati li jkollhom il-lukanda mimlija u mhux se jigdbulek.
- Iġġibx tfal u tħallihom jiġru ma’ kullimkien bla superviżjoni. Il-ġenituri jew gwardjani iridu jużguraw li t-tfal iġibu ruħhom sew mingħajr ma jagħmlu ħsara jew idejqu lil ħaddieħor. Staqsi jekk hemmx xi kamra jew żona tal-logħob għat-tfal fil-lukanda.
- Tħallix review ħażina mingħajr ma tkun tkellimt bil-problema. Jekk għandek problema u l-impjegati ma jkunux jafu, kif jistgħu jsolvuhielek? Il-maġġoranza assoluta tal-problemi mhumiex kbar u l-impjegati jkunu mħarrġin isolvuhom.
- Ma ssegwix ir-regoli tal-post. Aqra r-regoli bażiċi ta’ kull post, l-iżjed marbuta ma’ ħinijiet, l-etikett fil-kmamar u kanċellazzjoni. Tagħmel pjaċir lilek innifsek jekk timxi magħhom biex tagħmel ħajtek u ħajjet l-impjegati faċli.
- Tisraqx affarijiet li għandhom jibqgħu fil-kamra. Issib min iġorr affarijiet żgħar bħal remotes tat-televixin jew tal-airconditioner u anki ikbar bħal bathrobes jew xugamani. Jekk tinqabad jaf jidħlu l-pulizija u toħloq problemi għalxejn lill-impjegati.