Apparat teknoloġiku antik li ma tarmih qatt

 Apparat teknoloġiku antik li ma tarmih qatt

Sirna konxji tal-fatt kemm it-teknoloġija qed tavvanza b’rata mgħaġġla tassew! Tkun għadek kemm tixtri mudell ta’ laptop jew mowbajl ġdid u sa sitt xhur wara tkun diġà ħarġet verżjoni iktar moderna u avvanzata minnhom.

Minkejja dan naf li bosta minna għandna dawk l-oġġetti teknoloġiċi d-dar li għalkemm illum qdiemu sewwa u bilkemm nużawhom, m’aħniex lesti li neħilsu minnhom darba għal dejjem. M’iniex nirreferi għall-kollezzjonisti li jġemmgħu apparat partikolari biex jimlew id-dar tagħhom b’għaxriet jew mijiet ta’ eżemplari tal-istess apparat, magħmul minn ditti u f’pajjiżi u f’epoki differenti. Qed nirreferi għal ċertu apparat li konna nużaw regolarment sa ftit tas-snin ilu imma mbagħad ħarġet verżjoni teknoloġika iktar avvanzata u spiċċajna biex xtrajnieha u warrabna l-“antik”. Ħa nsemmi xi eżempji.

Fis-snin tmenin hawn Malta kienu daħlu l-ewwel kompjuters fid-djar Maltin, fosthom l-iSpectrum jew il-Commodore. Kien hemm ukoll l-Amstrad u l-Atari. Min ma jiftakarhomx?! U kemm konna niftaħru bihom, anki jekk bħala memorja ħdejn il-kompjuters tal-lum kienu għajjenin tassew? Kemm għaddejna sigħat twal naħdmu u nilagħbu fuqhom? Kemm minna llum għad għandu apparat bħal dan imwarrab f’xi rokna tad-dar jew tal-garaxx tiegħu?

Kien hemm iż-żmien tal-cassette radios, u iktar tard tad-double casette radios. Min jaf kemm irrekordjajna cassettes tal-mużika u partatna mal-ħbieb tagħna?! Niftakar il-mużika tal-Van Halen, tal-Culture Club, tas-Soft Cell, tal-iSmiths, tal-U2, tal-Metallica. Konna ndoqqu minn kollox!

Imbagħad waslet il-moda tal-Walkman. Min jiftaħar bis-Sony u min bis-Sanjo! Min kellu karozza kien jarma xi sett tal-Pioneer, tal-Kenwood jew tal-JVC. U min jarma loudspeakers tal-100 watts jew ħallih jesaġera iktar!

U dan biex ma nsemmix apparat iktar antik li missirijietna jew nannietna kienu jużaw bosta deċennji ilu, bħall-grammofonu jew is-settijiet tar-radjijiet minn dawk il-kbar donnhom biċċa għamara li kienu jaħdmu bil-valvoli! U xi ngħidu għas-settijiet tar-Rediffusion jew it-telefowns antiki? Kemm minna għad għandna apparat bħal dan imwarrab x’imkien? U kemm mit-tfal tagħna jibqgħu b’ħalqhom miftuħ kif jarawh?!

Inti x’apparat teknoloġiku antik għadek iżżomm f’darek? U fiex ifakkrek?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com