Awwissu fil-qwiel Maltin

 Awwissu fil-qwiel Maltin

Issa li wasal Awwissu nistgħu ngħidu li qegħdin fl-aqwa tas-sajf u anki fl-aqwa tal-istaġun tas-sħana. Huwa x-xahar ta’ San Lawrenz u Santa Marija. Bħal xhur oħra, anki x-xahar ta’ Awwissu huwa marbut ma’ numru ta’ qwiel li nħobbu ngħidu u li ġieli smajna.

L-ewwel ma jiġi f’moħħi huwa “Awwissu la tarah u lanqas tmissu.” Huwa qawl li ma sibtux fid-dizzjunarji imma li huwa fuq fomm bosta. Min jaf xi jfisser eżattament? Forsi qed jirreferi għall-fatt li ladarba Awwissu jġib miegħu jiem ta’ btala  u shutdown, mela żmien meta l-maġġoranza nistrieħu, nagħmlu dak li jogħġobna ’l bogħod mill-post tax-xogħol u nkunu mal-familja u ħbieb tagħna, il-ħin narawh jgħaddi jgħaġġel wisq tant li x-xahar t’Awwissu donnu jtir!

Brother Henry F.S.C. fil-ktieb Qwiel Maltin jinkludi żewġ proverbji f’rabta ma’ dan ix-xahar. L-ewwel wieħed hu “Awwissu qatt ma ħamel lilu nnifsu”. Bħala tifsira ningħataw din: “F’Awwissu tagħmel sħana kbira”, u dan ifakkarna f’kemm-il darba nħossuna nifisna maqtugħ, nogħrqu fl-għaraq u nibagħtu jixxejjer lil min jaf min kull darba li jinqata’ d-dawl u nispiċċaw bla fann jew arjakundizzjunata!

It-tieni proverbju jgħid, “Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu”, biex niftakru li “F’Awwissu tagħmel sħana kbira u drabi xi ħalba xita wkoll”.  Iva, apparti s-sħana li taqli l-ġrieden, kif jgħid qawl ieħor, Awwissu jaf jissorprendina billi jġib miegħu xi maltempata mhix mistennija.

Ġużè Aquilina jsemmi għadd ta’ qwiel oħra f’rabta ma’ Awwissu f’A Comparative Dictionary of Maltese Proverbs. Hekk naqraw:

  • F’Awwissu l-baħar tisma’ ħissu – jirreferi għall-fatt li f’dan ix-xahar il-baħar jibda jiċċaqlaq u jqum fuq tiegħu;
  • Awwissu tal-ħajjata l-iswed – dan hu x-xahar meta lill-ħajjatin kien jidħlilhom ix-xogħol;
  • Ix-xahar t’Awwissu s-sinjur u l-fqir iħissu – anki dan ifisser li s-sħana f’Awwissu ddejjaq kemm lis-sinjur kif ukoll lill-fqir;
  • F’Awwissu l-ilma jibda jmissu – ladarba f’dax-xahar ikollna l-ewwel sinjali ta’ xita;
  • Santa Marija f’nofs Awwissu, u kulħadd jieħu li jmissu – jirreferi għaż-żmien meta l-bdiewa kienu jħallsu u l-proprjetarji tar-raba’ jirċievu l-qbiela.

Aquilina jsemmi qwiel oħrajn. Inti taf xi qawl ieħor dwar Awwissu?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com