Baħar jew swimming pool?
Is-sajf għaddej ġmielu u ħafna għandhom bosta tifkiriet sbieħ tad-drabi ta’ kemm-il darba marru jgħumu mal-familja jew ħbieb fil-bajjiet mimlija ramel u sbieħ jew matul il-kosta blatija Maltija fejn jaħkem il-baħar ikħal u nadif. Tinduna kemm morna l-baħar mil-lewn tal-ġilda tagħna li taf tiskura sewwa, minkejja l-kremi li nkunu dellikna biex nipproteġu ruħna kontra x-xemx. Hemm min imbagħad lejn il-baħar ftit jersaqlek, imma jgħum xorta waħda, din id-darba f’xi pixxina, jew id-dar tiegħu stess, jew għand il-ħbieb, jew f’xi lukanda.
Il-baħar hu maħbub minn ħafna, inklużi l-eluf ta’ turisti li jiġu kull sajf fil-gżejjer tagħna. Jagħtik dak is-sens ta’ enerġija, ftuħ u libertà meta tħares fil-bogħod lejn l-orizzont, imma anki meta tinżel fih u tħoss dik id-dehxa kiesħa tal-bidu. Il-baħar huwa maħbub ħafna minn dawk li jħobbu jilbsu l-maskra u jgħoddsu kemm biex jaraw l-isbuħija ta’ qiegħ il-baħar li hija magħmula minn pjanti, ħut u min jaf kemm-il kreatura marina kkulurita oħra ta’ kull forma u daqs. Basta ma jkunx xi kelb il-baħar għax ħallina ngħajtu u nippanikjaw! Xi ħaġa li fortunatament narawha biss fil-films hawn Malta.
Hemm min jgħaddilek sigħat jifflowtja fl-ilma mielaħ tal-baħar iħares lejn is-sema ikħal, jew jgħum u jaqdef biex iżomm ruħu b’saħħtu.
Imma l-baħar għandu l-perikli tiegħu. Kien hemm sjuf meta invadewna l-bram li bosta jafu kemm kapaċi jweġġgħuk! Hemm ukoll ċerti ħut jew kreaturi marini oħra li jekk tmiss magħhom jafu jaħarqulek jew jirritawlek sewwa l-ġilda. Qabel konna nitniggżu mir-rizzi, imma dawn ftit għadek tara minnhom illum.
Imbagħad hemm min jippreferi l-pixxina jew swimming pool. Jgħidlek li jippreferi l-ilma ħelu, fejn m’hemmx fond ħafna, u fejn m’hemmx perikli ta’ kreaturi li jistgħu jweġġgħuk. Il-pixxina għandha l-limiti tagħha bħala kobor u għalhekk dak li jkun bħal iserraħ rasu li mhux se jintilef u li jekk jinqalagħlu xi ħaġa l-għajnuna mhix ’il bogħod. Oħrajn iddejjaqhom it-togħma tal-klorin jew bħal jitqażżu l-pixxina għax jgħidu li jinżlu wisq nies fiha.
Inti x’tippreferi: baħar jew pixxina? Għaliex?