Bħala xogħol tippreferi tkun waħdek jew ma’ ħaddieħor?
Hemm min jgħid li x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem, mela b’xi mod jagħtik is-saħħa, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, u jagħmlek ukoll parti importanti mill-qafas soċjali u ekonomiku. Oħrajn jemmnu li x-xogħol huwa biss barka għall-fqir, ladarba min m’għandux flus irid jaħdem. U min jaħdem kieku ma kellu l-ebda problema ta’ flus?
Issa, hemm min jaħdem għal rasu, u hemm min jaħdem fil-kumpanija ta’ bosta kollegi oħrajn. Iż-żewġ tipi ta’ xogħol huma importanti, imma mhux kull bniedem kapaċi jaħdem fiż-żewġ kuntesti.
Fost il-vantaġġi li nistgħu ngawdu minnhom meta naħdmu għal rasna hemm dawn:
- Jonqos il-paroli żejjed u l-kunflitti bejn persuna u oħra;
- Inżidu fl-effiċjenza tagħna;
- Waħedna huwa ikbar is-sens ta’ sfida li jagħtina sodisfazzjon ikbar;
- Inkunu kap tagħna nfusna;
- Meta x-xogħol jitlesta nieħdu l-kredtu kollu aħna;
- Nistgħu naħdmu skont il-pass tagħna;
- Ma jkunx hemm kunflitti ta’ politika.
Vantaġġi għal min jippreferi jaħdem ma’ kollegi oħra huma dawn:
- Il-problemi jistgħu jiġu solvuti aħjar;
- Jikber il-potenzjal għall-innovazzjoni;
- Opportunità ikbar li tidħaq daħqa;
- Iktar opportunità biex nikbru personalment;
- Xogħol fi grupp inaqqas ir-riskju ta’ burnout;
- Tiżdied il-produttività;
- Ġo grupp tkun tista’ tirriskja iktar b’possibiltà ta’ riżultati aħjar.
Hemm ukoll l-iżvantaġġi meta naħdmu waħedna:
- Nistgħu nħossuna waħdena, anki għax nitilfu mill-bażż meta naħdmu fi grupp;
- Nistgħu nħossuna iktar stressati anki għax tkun ikbar ir-responsabbiltà;
- Inqas sens ta’ teamwork u inqas komunikazzjoni;
- Dan jista’ jwassal għal inqas effiċjenza;
- M’hemmx separazzjoni tad-dmirijiet jew rwoli;
- Nistgħu nirċievu inqas feedback dwar xogħolna.
Kif nafu hemm ukoll in-nuqqasijiet meta naħdmu fi grupp, fosthom:
- Mhux kulħadd jikkontribwixxi ndaqs;
- Min imexxi mhux dejjem jirrikonoxxi x-xogħol li kull individwu jkun għamel;
- Hemm ċerti persuni li huwa verament diffiċli taħdem magħhom;
- Mhux dejjem se jogħġbuna l-ideat ta’ ħaddieħor, u l-ideat tiegħek mhux dejjem se jogħġbu lil ta’ madwarek;
- Nistgħu nsibuha diffiċli naqsmu l-opinjoni tagħna ma’ ħaddieħor;
- Irridu nissaportu r-ritmi u l-ħinijiet ta’ ħaddieħor;
- Nistgħu naqilgħu ċamata għal xi ħaġa li ma nkunux għamilna aħna.