Erba’ raġunijiet validi għaliex għandek iżżur Mont Saint Michel
Kull min iħobb jivvjaġġa dejjem ikun qed jgħarrex sabiex iżur postijjiet mill-aktar interessanti. Illum ser naraw uħud mir-raġunijiet għaliex wieħed għandu jżur Mont Saint Michel jekk tiġih l-okkażjoni. Dan huwa post uniku li jinsab fir-reġjun tan-Normandija ġewwa l-Majjistral ta’ Franza.
Mont Saint Michel parti minn gżira ċkejkna. Oriġinarjament, fis-sena 708 AD inbniet knisja żgħira u kienet isservi anke bħala post ta’ pellegrinaġġ fiż-Żminijiet tan-Nofs. Il-gżira hija popolari ferm għall-monasteru li nbena bejn il-ħdax u s-sittax-il seklu. Magħrufa wkoll għall-frugħ u għall-mili tal-baħar (tides).
- Il-ġmiel u s-sengħa li għandha l-arkitettura tal-post
Il-pożizzjoni ġeokrafika ta’ Mont Saint Michel hija kumplessa ferm, anke minħabba l-instabbilità ta’ art li hemm. Dan aktar u aktar għaliex il-post huwa suġġett għall-frugħ u għall-mili tal-baħar. Il-ħitan u s-strutturi oħra ta’ sostenn dejjem kienu kapaċi jżommu b’mod sod il-binja tal-monsateru.
- Il-bajja unika
Il-bajja hija mimlija ġmiel u għandha karatteristiċi uniċi. Minħabba l-mewġ għoli li jilqa’ dan il-post, il-pajsaġġ jinbidel kontinwament skont il-livell tal-ilma. Il-post mgħoni b’rikezzi naturali b’varjetà kbira ta’ flora u fawna, għasafar li jpassu mill-Afrika għall-Ewropa u saħansitra miżgħuda b’ tipi differenti ta’ ħut.
- Il-Monasteru
Il-bini ta’ dan il-monasteru inbena fuq livelli differenti matul is-sekli. Min iżur il-post jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ u josserva l-arkitettura rikka tas-sit innifsu.
- Is-sbuħija matul il-lejl
Il-post huwa inkredibbli matul il-ġurnata. Madanakollu, il-lejl ibiddlu f’sit ta’ seħer speċjali. Normalment, it-trejqiet ikunu inqas iffullati u jibqgħu biss mixgħula d-dwal tad-djar u ta’ xi ftit ristoranti. F’waqt bħal dan il-ġmiel tal-bini jista’ jiġi osservat aktar bir-reqqa.
Mont Saint Michel huwa tassew post uniku u ħafna jirreferu għalih bħala wieħed mill-Meravilji tad-dinja. Li wieħed jasal għal Mont Saint Michel mhuwiex daqshekk faċli, anke għaliex min ikun qiegħed Pariġi, il-vjaġġ huwa kemmxejn twil u t-trains li jridu jinqabdu huma kemmxejn ikkumplikati. Madanakollu, il-ġmiel tal-post huwa ta’ min jesplorah. Kif tkunu hemm, tajjeb wkoll li dduqu xi speċjalitajiet tar-reġjun tan-Normandija.