Farmhouse jew lukanda?

 Farmhouse jew lukanda?

Jiġi dak iż-żmien matul is-sena meta nħossuna għajjenin u mxebbgħin mir-rutina tax-xogħol u ngħidu: “Daqshekk!” Kemm se ndumu nagħmlu l-istess ħaġa jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar? Inqumu fil-5.30 jew 6 am, kafè ta’ malajr, karozza, traffiku, parking uġigħ ta’ ras, lift u uffiċċju, apparti dak kollu li jkollok tħabbat wiċċek miegħu matul is-sigħat tax-xogħol. L-istess daħla, l-istess kurituri, l-istess kantunieri, l-istess uċuħ, l-istess paroli…

Meta taqbżilna u ma nkunux nifilħu iktar nafu niddeċiedu li nieħdu ftit jiem frank, jew ngħidu li l-vaganzi li jmiss se mmorru nistrieħu x’imkien barra mid-dar u mir-rutina, bla ma nitbiegħdu wisq.

Hemm fostna min jiftiehem mal-familja jew ħbieb u jibbukkjalek ftit jiem ġo farmhouse, bil-pixxina inkluża. Bosta nitilgħu Għawdex biex nagħmlu dan, forsi għal ftit iktar kwiet. L-iktar meta l-farmhouse tkun f’nofs il-kampanja tħares fuq xi wied jew f’ raħal fejn jaħkem is-sliem u rari tisma’ karozza għaddejja.

L-isbuħija tal-farmhouse hi l-binja arkitettonika tagħha, dik il-ġebla Maltija, dawk l-arkati, it-travi tal-injam, u l-kmamar mimlijin dawl naturali dieħel minn aperturi wiesgħa tal-injam. Imma rridu naħsbu aħna għall-ikel u għall-indafa. Is-sodod irridu nagħmluhom aħna, insajru aħna, naħslu l-platti u t-tazzi. Hemm min ma jiddejjaqx jagħmel dan, anzi jħossu jirrilassa iktar.

Persuni oħrajn jippreferu jmorru ġo lukanda fejn is-servizz tista’ tgħid hu komplet. Fatra u ikliet ta’ nofsinhar u ta’ filgħaxija lesti – jekk nagħżlu hekk –  kamra nsibuha ordinata u nadifa wara li nidħlu lura, u xogħolna jkun dak li noqogħdu sieq fuq sieq nixxemmxu, niggostaw xi koktejl bl-istrò, naqraw xi rivista jew rumanz, u nittantaw ix-xemx għaddejja. Hemm min ikun irid ukoll ftit attività u allura jippreferi jmur il-ġimm jew xi lezzjoni tal-ajrobika akkwatika bil-mużika.

Forsi nippreferu lukanda magħmula minn bosta sulari, bil-kamra b’gallarija tagħti fuq il-baħar. Hemm min jiggosta lukanda bil-kmamar sular wieħed imferrxin fuq medda ta’ żona rurali, imdawrin bil-pjanti, siġar u fjuri varjati. Hawn il-kwiet jaħkem, apparti t-tpespis tal-għasafar, iż-żanżin tal-insetti u x-xarxir tal-ilma tal-pools.

Inti x’tippreferi?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com