Festival fejn jaqbżu minn fuq it-trabi fi Spanja!
Lesti tħallu t-trabi tagħkom fuq saqqijiet fit-triq ewlenija fejn toqogħdu b’nies lebsin ta’ xjaten slavaġ jaqbżu minn fuqhom?
Dan hu dak li jseħħ kull sena f’nofs Ġunju fil-villaġġ Spanjol ta’ Castrillo de Murcia fit-Tramuntana tal-pajjiż. Il-festival li jmur lura għas-seklu 17 u li jseħħ matul il-Ħadd ta’ qabel il-Festa ta’ Corpus Christi, mhu xejn ħlief taħlita ta’ ritwali bejn pagani u bejn Insara u jirrappreżenta r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażen. L-oriġni ta’ dan il-festival, magħruf bħala El Colacho, mhumiex ċerti, imma hemm storiċi li jgħidu li beda bħala ritwal tal-fertilità.
Matul dan il-festival, “xjaten” bil-maskra lebsin l-aħmar u l-isfar jiġru matul it-toroq ewlenija waqt li jgħajru lin-nies tal-post u “jsawtuhom” bi frosta magħmula minn denb iż-żiemel. Jekk tara l-vidjows ta’ dan l-avveniment tinduna li daqqa ta’ frosta bħal din kapaċi tweġġgħek tassew. It-tnabar iħabbru l-wasla tal-irġiel lebsin l-iswed, magħrufa bħala atabalero. Kif jaslu dawn l-irġiel devoti li jiġu biex ikeċċu ’l hemm il-ħażen, tibda “el salto del Colacho”, jew il-qabża tax-xitan, li sseħħ fil-misraħ prinċipali tal-villaġġ.
Mhix xi ħaġa faċli li tassisti għaliha, anki kapaċi twaqqaflek qalbek! 100 tarbija li jkunu twieldu s-sena ta’ qabel jitpoġġew fuq saqqijiet fit-triq mentri l-irġiel lebsin ta’ xjaten jaqbżu minn fuqhom. Din hija tip partikolari ħafna ta’ magħmudija fejn bosta jemmnu li x-xitan jassorbi d-dnubiet tat-trabi u jagħtihom protezzjoni kontra mard u sfurtuna. Intant, l-ispettaturi li jinsabu fil-ġnub tat-triq joffendu lix-xitan biex ikeċċu minn fuqhom l-isfortuna li tista’ tolqothom matul is-sena li jmiss. Wara dan, fuq it-trabi jinxteħtu petali tal-ward u jerġgħu fi ħdan il-ġenituri tagħhom.
Tradizzjonalment, fil-festival kienu jipparteċipaw biss trabi tal-lokal, imma fis-snin reċenti ġew nies mid-dinja kollha biex jieħdu sehem. Matul il-festival ikun hemm l-ambulanzi fil-qrib, imma s’issa għadu qatt ma ġie rrappurtat li xi ħadd weġġa’. Minkejja dan fl-ambjenti tal-Knisja Kattolika għad hemm min għadu xettiku dwar jekk festival bħal dan għandux jibqa’ jsir jew le.
Sors: nationalgeographic.com