Fi skola jew sport, kulħadd għandu jiġi ppremjat?

 Fi skola jew sport, kulħadd għandu jiġi ppremjat?

Tiftakru meta l-iskola kienet issir Jum il-Premjazzjoni ? Kien ikun hemm tfal illi litteralment ikaxkru l-premjijiet kollha. B’ konsegwenza, kien hemm ħafna tfal illi ma jieħdu xejn. Maż-żmien, f’ ħafna skejjel, is-sistema ta’ premjazzjoni inbidlet u beda jieħu xi ktieb kulħadd. Ir-raġuni prinċipali hi li kulħadd għandu xi ħaġa tajba

Naqblu. Min hu tajjeb għal ħaġa u min għal oħra. Imma b’ dan il-mod, min jinsisti u javvanza fis-suġġetti akkademiċi m’għadux jiġi ippremjat? Kulħadd sar ugwali, fis-sens li kulħadd hu kapċi f’xi ħaġa partikolari indaqs?

Imma fil-ħajja, kulħadd se jibqa’ ittrattat ta’ ugwali? Irridu u ma rridux, matul ħajjitna se ngħaddu minn sitwazzjonijiet li niġu ikklassifikati u ppremjati skont l-ordni tal-mertu. Biżżejjed wieħed imur għal intervista għal xogħol. Min se jintagħżel u min le. F’kull ħaġa hekk. Elezzjoni? Min jitla’ u min le. Fil-ħajja , meta nikbru, se jkollna d-diżappunti li ma rbaħniex. Diżappunti li jgħinuna nitgħallmu x’seta’ mar ħażin u nirranġaw sabiex darb’oħra immorru aħjar. Il-problema li sar għandna hi li flok naraw xi progress inkunu għamilna aħna stess, nqabblu ruħna mas-suċċess ta’ ħaddieħor, u b’hekk inkunu diżappuntati

Jista’ jkun illi min mhux tajjeb eżempju fl-Ingliż huwa tajjeb fl-arti jew sports. Ma ġara xejn, għax kollox għandu valur. Mela ejja nippremjaw lil min imur tajjeb f’ suġġetti oħra ukoll minflok dawk akkademiċi biss. Imma kif nistgħu nagħtu l-impressjoni li kulħadd tajjeb indaqs ? Kif nistgħu nimmotivaw lit-tfal jekk minn meta jkunu żgħar qed ngħallmuhom li s-suċċess ta’ kulħadd hu l-istess?

Sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Għax min mhux jirnexxi ma rridux naqtgħulu qalbu minn kmieni.

L-istess ħaġa fl-isport: għandu kulħadd jilgħab f’ logħba futbol tat-tfal jew il-kowċ għandu jagħżel l-aħjar players ? Kulħadd għandu jingħata midalja f’kompetizzjoni? Jew ir-rebbieħa biss?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com