Fi x’ħin tistenbaħ billejl?

 Fi x’ħin tistenbaħ billejl?

Jekk int persuna li tistenbaħ regolarment bejn it-3 u l-4 ta’ filgħodu, allura tinkwieta xejn u kun af li 3 minn 4 persuna jagħmlu dan, l-iktar minn żmien il-pandemija tal-Covid-19 lil hawn.

Hemm esperti li jsostnu li din il-biċċa li niftħu għajnejna matul dis-siegħa bikrija tista’ tkun marbuta mal-istress. Proprju matul dis-siegħa partikulari nsiru konxji tal-istress tagħna. Fil-verità matul il-lejl inqumu ħafna iktar drabi, imma meta r-raqda tkun waħda tajba ma nindunawx b’dan. L-irqad tagħna jkun eħfef matul it-tieni parti tal-lejl.

L-istress mhux l-unika raġuni għall-fatt li nqumu fit-3 ta’ filgħodu. Raġunijiet oħra jistgħu jkunu:

  • Tip ta’ xogħol li m’għandux ħinijiet regolari imma jinbidel il-ħin kollu kemm bħala ħin kif ukoll bħala dati;
  • Il-vizzju li rridu nikkontrollaw spiss fuq il-midja soċjali l-aħbarijiet biex naraw jekk seħħitx xi ħaġa kerha jew li tnissel fina diqa;
  • Anki n-nuqqas ta’ arja nadifa u friska tista’ tħarbtilna raqda;
  • Hemm min iqum wara ċertu ħolm li jiġi ġġenerat minħabba l-ansjetà li jkollna frott xogħol li matul il-jum ma nkunux temmejna.

Il-psikologi u t-tobba jsostnu wkoll li ladarba bosta minna jidħlu biex jorqdu bejn il-11 p.m. u nofsillejl u jqumu bejn is-7 u t-8 a.m., allura l-ħin nofs triq jiġi proprju bejn it-3 u l-4 a.m. U għalhekk proprju dis-siegħa tista’ tkun parti mill-ħin meta nilħqu fażi ħafifa ta’ rqad u b’hekk inqumu.

X’tista’ tagħmel biex dan ma jseħħx?

  • Ibda qum kuljum fl-istess ħin u tmurx torqod qabel ma tħoss in-ngħas jaħkmek;
  • Eżercita ruħek fiżikament u oqgħod fi spazji mdawlin sewwa filgħodu;
  • Żomm ruħek attiv soċjalment ħalli moħħok jifhem li l-unika opportunità biex torqod hija matul il-lejl;
  • Hemm min jissuġġerixxi li żżomm karta u lapes ħdejk u qabel ma torqod jew meta tqum f’nofs tal-lejl tikteb dak kollu li qed jgħabbilek lil moħħok u anki dak li jonqsok tagħmel matul il-jum jew ġimgħa.

Jekk il-problema ma ssolvihiex allura jista’ jkun li jkollok bżonn l-għajnuna ta’ speċjalist ladarba tista’ tkun kwistjoni ta’ insomnja.

(Sors: iflscience.com)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com