Gazzetta jew ktieb? Bil-Malti jew bl-Ingliż?

 Gazzetta jew ktieb? Bil-Malti jew bl-Ingliż?

Daqs 35 sa 40 sena ilu, qabel ma daħal sewwa l-użu tal-internet fid-djar Maltin, kien hawn min jiftaħar li għadu kemm xtara enċiklopedija (Britannica?) ta’ għoxrin jew tletin volum mimlija tagħrif dwar oqsma differenti tal-ħajja. Bħala tfal, imma anki adulti, konna ngħaddu ħinijiet twal inqallbu fil-volumi differenti u fil-paġni mimlijin tagħrif u stampi kkuluriti, naqraw dwar suġġetti varji, mix-xjenza għall-astronomija, mill-ġografija għall-istorja, minn aspetti tal-mediċina jew anatomija għal oħrajn tal-letteratura.

Kien hemm min ikun abbonat regolari f’rivisti partikolari bħar-Reader’s Digest jew National Geographic. Oħrajn kienu jixtru regolarment rivisti bħall-Oggi, il-Gente, jew it-Tv Sorrisi e Canzoni, għax kienu jħobbu u jifhmu saħansitra t-Taljan.

Imbagħad kien hawn min jixtrilek dik il-gazzetta, bil-Malti jew bl-Ingliż, kuljum, u sa filgħaxija jkun qraha minn qoxra sa qoxra. Nhar ta’ Ħadd kien hemm min jabbonalek għal żewġ jew tliet gazzetti, biż-żewġ ilsna, u ħallih jaqra l-paġni favuriti tiegħu.

Kien hawn iktar ħwienet tal-kotba – minn dawk ta’ veru – fosthom Sapienza, Giovanni Muscat, Aquilina, fejn kont tmur u kont tkun ċert li se ssib xi ktieb jew rumanz li jogħġbok, bil-Malti jew bl-Ingliż.

Kont tara nies jaqraw il-gazzetta f’xi misraħ jew ġnien pubbliku fuq xi bank għad-dell ta’ siġra, jew f’xi każin. Illum x’fadal minn dan kollu? Kemm għadek issib u tara persuni jaqraw il-gazzetta jew xi ktieb f’format tradizzjonali?

Storja oħra kapaċi jgħidulek tad-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi, ladarba postijiet bħal dawn huma frekwentati sew, anki fl-irħula. Imma l-Maltin li jaqraw illum huma l-maġġoranza jew minoranza? Kemm minna għadna naqraw ktieb jew rumanz sħiħ? U b’liema lsien qed naqraw l-iktar: bil-Malti jew bl-Ingliż? Kemm minna għadna kapaċi naqraw gazzetta jew rivista bit-Taljan, jew b’ilsna oħra?

Hemm min jgħid li l-qari ta’ dan it-tip naqas għax żdiedu l-mezzi li jtellfuna milli nagħmlu dan, fosthom il-midja soċjali, l-internet, siti bħal Tik Tok, Facebook, Instagram u l-bqija, li kollha qed jaljenawna u jisirqulna ħin prezzjuż bi ħwejjeġ iktar frivoli u trivjali.

Kemm hu veru dan? U meta jinqata’ d-dawl x’nagħmlu?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com