Għad hawn min kapaċi jammetti li għamel żball u jaċċetta l-konsegwenzi?
F’dinja fejn il-ħajja hija mgħaġġla huwa faċli li meta tkun għaddej minn ħaġa għall-oħra tagħmel xi żball. Jew għax għajjien, jew għax aljenat, jew għal raġuni, jew għal oħra, kulħadd uman u kulħadd jiżbalja.
Il-problemi jibdew meta persuna ma tkunx kapaċi tammetti li għamlet żball u ma taċċettax li żball iġib miegħu ċertu konsegwenzi. Anzi ssib min jinjora l-iżball tiegħu u jħalli lil ħaddieħor ibati l-konsegwenzi waħdu.
Ejja nieħdu eżempju li dan l-aħħar bħal donnu dejjem qed jiżdiedu każi tiegħu. Xi ħadd ikun qed isuq u għal xi raġuni jew oħra jolqot karozza li kienet ipparkjata. Ovvjament, ix-xufier tal-karozza l-oħra ma kienx fiha. Persuna li kapaċi tammetti żball, f’sitwazzjoni bħal din taġixxi b’dan il-mod:
- Tħalli n-numru tal-mowbajl mal-wipers tal-karozza li laqtet.
- Tmur l-għassa u tagħmel rapport li laqtet karozza biex il-pulizija tkun tista’ tgħinha ssib lix-xufier.
Persuna li mhux kapaċi tammetti żball, partikolarment jekk fil-mument meta għamlet l-iżball ma kienx hemm xhieda titlaq minn fuq il-post daqs li kieku ma ġara xejn u tħalli lil dak li jkun bid-dannu li kkawżat hi.
Li tkun kapaċi tammetti meta tagħmel żball mhux biss importanti, imma kruċjali sabiex verament tħossok fil-paċi miegħek innifsek u ma’ dawk ta’ madwarek.
Inti, x’tip ta’ persuna inti?