Għadek tgħid it-talb tiegħek?
Għadna verament poplu Nisrani? Kemm minna għadna mmorru l-quddiesa għallinqas nhar ta’ Ħadd? Kemm minna nafu anzjani li għadhom jemmnu, jiffrekwentaw il-knisja regolarment, jgħidu r-rużarju kuljum u jitolbu b’għadd ta’ santi quddiemhom? Ironikament hemm min jgħid li anki d-dagħa – ikrah immens! – huwa sinjal (negattiv kemm hu negattiv) li aħna poplu li jemmen. Bniedem tajjeb hu dak li jmur il-quddies u jiffrekwenta regolarment il-festi reliġjużi, jew persuna tista’ tkun spiritwali bla ma tipprattika ċerti riti soċjali u pubbliċi?
Però, il-mistoqsija tiegħi hija din: kemm minna għadhom b’xi mod jew ieħor jitolbu? Niftakru li hemm talb u talb: hemm it-talb li tgħallimna meta konna żgħar permezz tal-lezzjonijiet tad-Duttrina imma anki mingħand in-nanniet u ġenituri tagħna, u hemm talb li hu iktar individwali jew personali, li nagħmlu meta nsibu waqt ta’ kwiet u ġabra għalina.
Jiġu bosta ħsibijiet dwar it-talb. It-talb huwa parti minn rutina li ġiet imposta fuqna minħabba l-kultura jew tradizzjonijiet li għexna u ngħixu fihom? Huwa kliem li niftakru bl-amment u li nħaddmuh biss meta nkunu għaddejjin minn perijodi diffiċli u mimlijin problemi personali bit-tama li xi forza ikbar minna tismagħna, tħenn għalina u tgħinna noħorġu mis-sitwazzjoni b’wiċċ il-ġid? Hemm talb li niftakru fih biss biex nitolbu dak li m’għandniex, jew hemm ukoll talb biex nirringrazzjaw lil Alla jew lil xi forza inviżibbli, nuru apprezzament reali ta’ dak li għandna?
Min minna meta kien żgħir kellu d-drawwa li qabel jorqod jgħid xi talba żgħira mal-ġenituri tiegħu? X’kienu dawn it-talbiet? U llum meta nitolbu, x’talb nużaw l-iktar: dawk li tgħallimna bl-amment u xi wħud minna għadhom jgħidhom awtomatikament bla ma jifhmu eżattament il-kliem li jkunu qed jgħidu? Jew nippreferu nkunu iktar liberi u ta’ żaqqna f’fommna u bħal nitkellmu direttament mal-Ħallieq jew ma’ xi forza spiritwali fejn niżżuhom ħajr jew nuruhom x’inhuma x-xewqat tagħna?
Bħala bnedmin nemmen li għad hemm bosta minna li f’xi ħin jew ieħor matul il-jum u fil-privatezza tagħhom għadhom jitolbu. Inti xi tgħid dwar dan?