Għadek tisimgħu r-radju? Meta u fejn?
Niftakar dak iż-żmien meta r-radju kien protagonist ewlieni fl-ambjent tad-dar Maltija. Jekk ma kienx ir-Rediffusion li kellu żewġ kanali, kien ikun xi radju kbir jew żgħir, skont kemm dak li jkun seta’ jaffordja.
Jiena għext iż-żmien meta l-ewwel konna nisimgħu xi naqra mużika, aħbarijiet jew programmi ta’ natura varjata bil-Malti u forsi bit-Taljan fuq il-frekwenza tal-AM. Kien hemm min kien jisma’ trasmissjonijiet ġejjin minn ħafna iktar ’il bogħod permezz ta’ frekwenzi oħra bħal SW (Short Wave) li permezz tiegħu konna nisimgħu il-BBC, jew il-LW (Long Wave), bi programmi jxandru b’ilsna differenti fosthom ir-Russu, il-Grieg u min jaf x’iktar.
Kien il-gost tagħna ngħaddu sigħat indawru r-rota tat-tuner u ngħaddu minn kanal għall-ieħor nippruvaw naqtgħu x’kienet il-lingwa użata u fl-istess ħin nisimgħu mużika ta’ stili varji minn pajjiżi differenti.
L-għażla tal-kanali radjufoniċi kienet twessgħet tassew meta daħal l-FM (Frequency Modulation), is-sound u l-kwalità tat-trażmissjonijiet tjiebet, u kien il-gost tagħna nisimgħu l-mużika Taljana romantika, rock, pop u l-bqija, permezz ta’ kanali bħar-Radio 1 jew Radio 2, jew ir-Radio DJ. Niftakar lil DJs Taljani bħal Claudio Cecchetto, Linus, u Albertino. Hawn Malta kont inħobb insegwi lil Alfie Fabri li min jaf kemm laqqagħna radjufonikament ma’ kantanti rock kemm lokali kif ukoll barranin! Aktar riċenti, tiftakruh lid-DJ Banana?
Illum għandna wkoll il-benefiċċju tad-DAB+ radio jew Digital Audio Broadcasting li permezz tiegħu kompliet tikber l-għażla tal-kanali radjufoniċi u fl-istess ħin tjiebet dejjem iktar il-kwalità tat-trażmissjoni.
Illum naf li r-radju huwa segwit ħafna mill-anzjani, l-aktar f’dawk is-sigħat meta jsibu ruħhom waħedhom, anki tard billejl jew waranofsinhar. Għalihom ir-radju huwa wens kbir u kumpanija tajba ferm. Lil bosta tismagħhom isegwu r-rużarju min jaf kemm-il darba matul il-jum, oħrajn ikollhom l-opportunità jsegwu anki l-quddiesa bla ma joħorġu mid-dar.
Kemm minna llum għadna nisimgħu r-radju? Veru li hemm bosta li għadhom jisimgħu r-radju fil-karozza huma u jsuqu lejn ix-xogħol jew lura d-dar? U l-mara tad-dar? U l-ħaddiema tal-fabbrika jew fuq is-siti tal-kostruzzjoni? Xi programmi nsegwu l-iktar?