Għaliex għad hawn min jaħseb li s-sieħeb/a tagħhom tappartjeni lilhom?
Għad hawn persuni li jaħsbu li meta jsibu ruħhom f’relazzjoni serja, s-sieħeb jew sieħba tagħhom issir propjetà tagħhom. Iżda dan mhux atteġjament normali.
Meta verament tħobb persuna ma toħnoqhiex, iżda tippermetti li din tkompli tgħix ħajjitha bik fiha, mingħajr kontrolli żejda. Il-possessjoni mhix imħabba, hija biss lok sabiex wieħed jikkontrolla lil dak li jkun u jinħeba wara dawk li jsejħilhom sentimentimenti ta’ mħabba.
Issib min jibda billi jikkontrolla x’tilbes persuna oħra…”dak wisq qasir, mur biddel”….”dak skullat, fejn mingħalik li sejra?” Bħal tħossok qiegħed f’relazzjoni ma’ ġenitur u mhux ma’ xi maħbub/a.
Issib min jipprova jwaqqaf lis-sieħeb/a milli jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom. Bħal li kieku meta tidħol f’relazzjoni, ma tistax iżżomm ħbiberija. U meta joħorġu ma’ sħabhom tarahom iqallbu l-midja soċjali u saħansitra ssib min isegwihom għax ma jafdawx.
Oħrajn iġiegħeluk tħossok ħażin jekk tipprova tagħmel xi ħaġa mingħajrhom u tismagħhom jgħaddu ħafna kummenti bla sens u ftit wara jgħidulek “qed niċċajta”. Ċajta u mhux il-kumment ikunu għaddewh xorta waħda.
U mbagħad issib min ma jaċċettax it-tmiem ta’ relazzjoni għax iqis lill-persuna l-oħra bħala “tiegħu”. Huwa impossibbli li din il-persuna tista’ twaqqaf ir-relazzjoni u tkompli ħajjitha mingħajrhom…u ssib min anke jiddeċiedi li jieħu l-liġi b’idejh.
Jekk hemm messaġġ li għandkom tieħdu llum huwa li l-bniedem twieled liberu u għandu jitħalla jgħix liberu, anke meta f’relazzjoni! L-imħabba tfisser li tkun kapaċi wkoll taċċetta t-tmiem tagħha u tħalli lil dak li jkun jimraħ mingħajr ħafna rabja u għira.