Għaliex ħafna mill-ideat jiġuna waqt li qed nieħdu shower?

 Għaliex ħafna mill-ideat jiġuna waqt li qed nieħdu shower?

Qatt ġralkom li tkunu kissirtu moħħkom fuq xi problema jew kwistjoni partikolari u f’daqqa waħda waqt li tkunu qed tieħdu shower, moħħkom bħal jikklikkja u tibdew taraw il-ħaġa minn perspettiva differenti? Mid-dehra din hija xi ħaġa normali u saru anke studji xjentifiċi sabiex jispjegaw fenomenu simili.

Studji jindikaw li l-moħħ jattiva sew l-aspett kreattiv fil-mument li individwu jkun qed jagħmel attivitajiet li jiffurmaw parti mir-rutina tiegħu . Fil-moħħ l-attività tkun għaddeja l-ħin kollu u waħda minnhom hija dik is-sistema magħrufa bħala d-Default Mode Network (DMN). Id-DMN  tkun fl-aqwa tagħha hekk kif persuna tkun qed tistrieħ jew twettaq affarijiet li ma jkollhomx bżonn ħafna attenzjoni. Ma’ din is-sistema hemm wkoll sistemi ċelebrali oħra li jsaħħu l-kreattività.

Meta dawn iż-żewġ elementi jiġu stimolati b’mod pożittiv, ikun iktar faċli li individwu jkollu ideat u ħsibijiet innovattivi. Għaldaqstant, f’waqtiet bħal meta nkunu qed nieħdu shower, u l-azzjonijiet nagħmluhom b’mod anke awtomatiku, il-moħħ ikollu l-ispazju biex jimraħ u jieħu brejk minn dak li nkunu ilna niffukaw fuqu. Fil-waqt li l-moħħ ikun liberu minn ħsieb fiss, ikun ukoll il-waqt fejn il-moħħ joħroġ anke b’ideat ġodda.

Il-moħħ huwa magna komplessa u bħal kollox, huwa wkoll għandu bżonn il-brejk tiegħu u li jiġi stimolat b’mod differenti. Xi metodi li jistgħu ikunu ta’ għajnuna sabiex intejbu l-kreattività huma dawn li ġejjin –

 

  1. Raqda tajba tagħti ċans lill-moħħ jelabora sew l-informazzjoni li jkun irċieva.
  2. Attivitajiet ta’ rutina jagħtu l-wisa’ lill-moħħ biex jesplora affarijiet oħra.
  3. Ħin fl-ambjent naturali, bħal xi passiġġata fil-kampanja, jħeffu l-ħsieb kreattiv.
  4. Waqt li nkunu qed naħdmu tajjeb li jittieħed brejk sabiex il-moħħ jirrilassa anke fuq il-livell ta’ subkonxju

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com