Għaliex l-istonku ma jiddiġerixxix il-qalba tas-sweetcorn?
Qatt innutajt li meta tiekol dak li bl-Ingliż insejħulu sweetcorn – li nħobbu nieklu ħafna waqt xi barbeque jew mal-insalati – l-istonku donnu ma jirnexxilux jiddiġerixxih kompletament tant li meta mmorru l-kamra tal-banju ninnutaw li baqa’ għaddej mis-sistema digestiva bla mittiefes?
Din it-tip ta’ qamħa kif jirnexxilha tgħaddi mis-sistema diġestiva bla ma apparentement tintmess? Hemm min jistaqsi saħansitra jekk għandniex nieklu dan it-tip ta’ ikel li hu daqstant iebes biex jiġi diġerit.
Minkejja dan kollu, is-sistema diġestiva f’dal-każ qed taħdem iktar milli naħsbu. Skont in-nutrizzjonista mill-Università ta’ Nebraska-Lincoln, Andrea Watson, dawk il-biċċiet sofor li tara meta tagħmel t-toilet huma biss il-qoxra tal-qamħa.
Iż-żerriegħa tal-qamħ iġġorr fiha materjal ġenetiku prezzjuż. Il-qoxra safranija ta’ barra li donnha miksija bix-xemgħa tipproteġi dan il-materjal ġenetiku tal-qalba tal-qamħa mit-temp, pests u waqt it-trasport. Il-fatt li huwa diffiċli biex tkisser din il-qoxra huwa ideali għal pjanta bħal din.
Il-qoxra ta’ barra hija daqstant reżiljenti minħabba tip ta’ fibra li tiflaħ u li tissejjaħ ċelluloża, li l-bniedem m’għandux l-enżimi jew batterji tal-istonku neċessarji biex jiddiġerixxiha. Watson isostni li anki annimali ruminanti bħall-baqar, nagħaġ u mogħoż, li għandhom stonku iktar armat biex jiddiġerixxi ċ-ċelluloża, mhumiex kapaċi jiddiġerixxu s-sweetcorn kompletament.
Għalkemm dawn il-bhejjem ma jiklux l-istess tip ta’ qamħa li nieklu aħna – imma qamħ iktar iebes u matur li jista’ jiġi merfugħ għal żmien itwal -, anki huma ma jirnexxilhomx jiddiġerixxu l-qoxra kollha.
Ir-riċerkaturi għamlu x-xogħol li mhux kulħadd jieħu gost jagħmel: ġabru l-ħmieġ tal-bhejjem u analizzaw il-fdal tal-qamħa u l-kontenut nutrizzjonali tagħha. Sabu li fil-fatt parti kbira mill-qamħa ġiet diġerita sew.
Instab ukoll li ċ-ċellulożi hija biss 10% tal-qamħa. Allura d-90% li jifdal hija l-parti nutrittiva. Il-qamħ huwa wkoll sors tajjeb ta’ fibra djetetika, lamtu (starch) u antiossidanti magħrufa bħala karotenojdi, li jagħtu lill-ħxejjex bħall-qamħ u l-karrotti kulur qawwi. Però huwa fatt li hemm inqas karotenojdi fil-qamħ minn porzjon tipiku ta’ ħaxix mwerraq.
(Sors: livescience.com)