Għall-eżerċizzju fiżiku tippreferi l-gym jew teżerċita waħdek?

 Għall-eżerċizzju fiżiku tippreferi l-gym jew teżerċita waħdek?

Il-ħajja tal-lum saret mgħaġġla tassew imma xorta waħda ngħaddu sigħat twal weqfin jew bilqiegħda kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll malli naslu lura d-dar għajjenin mejta jew imxebbgħin mill-avvenimenti tal-jum. It-tip ta’ xogħol li nagħmlu ġeneralment jirrikjedi li ngħadduh bi ftit eżerċizzju fiżiku quddiem xi screen tal-kompjuter jew magħluqin ġo uffiċċju.

Minkejja – u anki minħabba – dan, l-għarfien li għandna nieħdu ħsieb saħħitna, kemm dik fiżika kif ukoll dik psikoloġika, żdied mhux ftit. Żdiedu wkoll il-kampanji fuq il-midja soċjali li jinkuraġġuna biex nagħmlu l-eżerċizzju fiżiku, imqar għal ftit minuti kuljum, sabiex nevitaw kumplikazzjonijiet aktar tard meta nikbru.

Għalkemm f’Malta għandna waħda mill-għola perċentwali ta’ obeżità fl-Ewropa, min-naħa l-oħra huwa fatt ukoll li ċ-ċentri tas-saħħa bħalma huma gyms u spazji fejn dawk interessati jagħmlu tipi differenti ta’ eżerċizzju fiżiku żdiedu ħafna matul dawn l-aħħar snin. Żdied anki l-għadd ta’ personal trainers, il-gyms għall-apert, u anki n-nies li għamluha regola li joħorġu regolarment jiġġoggjaw, jimxu, jew bir-rota matul il-jiem tal-ġimgħa.

Il-mistoqsija hija din: inti x’tippreferi meta tagħmel l-eżerċizzju fiżiku, tkun fil-kumpanija ta’ nies oħra, jew tkun waħdek? Dan jiddependi mit-tip ta’ karattru li għandna, imma anki mill-burdata tal-perijodu li nkunu għaddejjin minnu.

Il-gym hu sabiħ għax tkun fil-kumpanija ta’ nies oħra, il-ħin ma tarahx għaddej, u l-għeja u l-isforz tal-waqt tħosshom inqas peres li jkollok biex taljena ruħek. Min jitqanżah fuq naħa, min jixxowja b’ġismu mibni fuq l-oħra, min vetrina ta’ tattoos u min jiddandan bl-aħħar gym wear li ġab minn barra. Mill-banda l-oħra hemm min idejquh l-irwejjaħ tal-għaraq u l-fatt li jkollu juża makkinarju li min jaf kemm użawh persuni qablu!

Għalhekk hemm min jippreferi jeżerċita ruħu waħdu, għall-kwiet, bir-ritmu tiegħu, u forsi anki bla ma jonfoq mijiet kbar ta’ ewro. Ħalliha anki hawn trid tinvesti f’apparat li tuża d-dar, jew f’xi rota tajba, biex ma nsemmux iż-żarbun sportiv li trid tilbes biex ma tweġġax.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com