Għandek 42 sena imma tħossok ta’ 27? Ara għaliex!
Qalbek tinsisti li għandek 27 sena, iżda ċ-ċerifikat tat-twelid jgħidlek li għandek 42…tinkwieta xejn, huma ħafna dawk li jħossu differenza bejn l-età suġġettiva (kemm iħossu li għandhom żmien) u l-età oġġettiva (kemm verament għandhom żmien).
Xjentisti tas-saħħa jispjegaw kif filwaqt li l-età oġġettiva hija xi ħaġa fissa, l-età suġġettiva hija influwenzata ħafna mill-mentalità u l-azzjonijiet tagħna. Jekk tagħżel li tagħmel attivitajiet li jgħinuk tħossok iżgħar, mela allura se tħoss din id-differenza.
Ir-riċerka turi li l-persuni ġeneralment iħossuhom ta’ età ta’ madwar 20% inqas minn dik reali. Min-naħa l-oħra, dawk li jħossuhom ta’ età akbar milli huma ġeneralment huma ftit aktar fraġli.
L-età suġġettiva hija kkaratterizzata mis-saħħa, l-enerġija, it-tip ta’ ħajja u l-perċezzjoni personali ta’ dak li jkun. Meta wieħed ikollu mentalità pożittiva, konnessjonijiet soċjali b’saħħithom u saħħa fiżika tajba, jħossu iżgħar. Min-naħa l-oħra, persuni li għandhom ħafna stress u forsi anke mard kroniku, jista’ jkun li jħossuhom ta’ età akbar.
Apparti minn hekk, l-età suġġettiva tinbidel skond dak li ngħaddu minnu f’ħajjitna. Avvenimenti bħal meta persuna tirtira, jew issir ġenitur għall-ewwel darba, jew inkella tibda xi passatemp ġdid, jistgħu jwasslu sabiex tinbidel l-età suġġettiva tagħna.
Minkejja kollox, huwa kruċjali li nibbilanċjaw il-bżonn li nħossuna tajbin u naċċettaw l-età reali tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar l-età hija sempliċiment numru u l-aktar ħaġa importanti hija li ngħixu ħajja li verament kuntenti biha.