Hemm xi ħolm li jkollok ta’ spiss? Taf xi jfisser?
Kulħadd jiftakar xi biċċiet mill-ħolm li jkollu f’xi ħin jew ieħor. Normalment, l-iktar partijiet tal-ħolm li nibqgħu niftakru jkunu dawk li laqtuna jew li saħansitra beżżgħuna. L-esperti tal-qasam jisħqu li l-ħolm huwa l-mod kif il-bniedem jipproċessa dak li jkun għaddej madwaru. Il-ħolm jirrifletti xi ftit jew wisq ix-xejriet tal-imġieba tagħna. Fil-verità jeżisti ħolm li nistgħu nsejħulu bħala wieħed ‘komuni’. Ser nsemmu xi ftit minnhom u nesploraw it-tifsira ta’ wħud.
Jista’ jkun li l-bniedem joħlom spiss li…
- Jaqgħulu snienu
- Xi ħadd qed jiġri warajh
- Ma jistax isib toilet
- Jkun għarwien
- Ma jgħaddix minn eżami
- Qed itir
- Jaħbat b’karozza
- Jasal tard
- Jara s-sriep
- Jqarraq bil-partner tiegħu
- Bl-iħirsa
- Jaqgħalu xagħru
Xi tfisser meta toħlom li qed jaqgħulek snienek?
Esperti tal-ħolm jispjegaw ħolma simili bħala waħda li tirrifletti l-ansjetà ta’ individwu dwar l-apparenza tiegħu jew dwar il-mod kif ħaddieħor iħares lejh. Tista’ tirreferi wkoll għall-biża’ li wieħed ma jiġix aċċetat għax ma jħossux attraenti biżżejjed.
…u meta ma ssibx toilet?
Persuna li jkollha din il-ħolma jaf tħoss diffikultà biex tesprimi l-bżonnijiet tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Jista’ jkun ukoll li din il-persuna tinnota li f’ħajjitha qed tpoġġi wisq in-neċessitajiet ta’ ħaddieħor qabel tagħha.
X’jiġifieri jekk qed tara lilek innifsek għarwien fil-ħolma?
Min joħlom li qiegħed għarwien fil-pubbliku jfisser li qed iħoss li qed jiġi espost jew li inkella qed jiġi akkużat fuq xi ħaġa inġustament.
Jekk toħlom li qiegħed tard?
Ħolma bħal din tirrapreżenta s-sens ta’ inkwiet li jista’ jkollna sabiex nieħdu deċiżjoni differenti f’ħajjitna. Jista’ jkun li ma nkunu qed inħossuna kompletament kunfidenti li nieħdu pass li jwassalna għall-bidla. Tifsira oħra tista’ tkun li l-bniedem fil-kwistjoni jħoss li fadallu ftit żmien biex ilesti biċċa xogħol li għandu f’moħħu.
U intom, ġieli kellkom xi ħolm minn dan?