Ħwejjeġ żgħar li qatt ma ninsa li għallmuni persuni “żgħar”
Fil-ħajja hemm dawk il-ħwejjeġ li nitgħallmu mill-iskola. Imma qabel dan, kien hemm l-iskola tal-ħajja li minnha u bla ma nindunaw tgħallimna bosta ħwejjeġ kbar u żgħar. Mela, f’dan il-proċess ta’ tagħlim formali u informali, hemm l-għalliema li posthom huwa fil-klassi u jibbażaw parti kbira mit-tagħlim tagħhom fuq il-kotba, u dawk il-persuni li jistgħu jkunu anki nies ta’ bla skola u li posthom tista’ tkun it-triq, imma li mingħandhom kapaċi nitgħallmu ħwejjeġ li varament ma ninsew qatt u nibqgħu nġorruhom magħna ħajjitna kollha.
Jien u miexi l-mixja ta’ ħajti ltqajt ma’ tliet persuni mhux daqstant qrib tiegħi imma li għallmuni ftit ħwejjeġ żgħar li bqajt niftakar u nħaddem sal-ġurnata tal-lum. Mingħand l-ewwel persuna tgħallimt kif nagħmel il-lazz taż-żarbun b’żewġ għoqdiet. Hija ħaġa faċilissima imma li mhux kulħadd jaf biha. Ladarba titgħallimha l-lazz ma jinħallx iktar jekk ma tkunx trid inti u b’hekk tgħidx kemm tiffranka ħin: daqshekk ikollok tieqaf u titbaxxa biex terġa’ għal ma nafx kemm-il darba terġa’ tagħmel il-lazz biex ma titgerbibx fih.
Persuna oħra għallmitni li meta l-ħwejjeġ jintnaxru fix-xemx qawwija tas-sajf għandhom jintnaxru ta’ taħt fuq. Dan biex is-sħana kiefra tax-xemx ma titlifilhomx il-kulur tat-tessut u b’hekk jiċċaraw wara ftit jiem. Hija ħaġa li teħtieġ ftit iktar ħin u paċenzja, imma li fl-aħħar mill-aħħar, tgħinek tippreserva aħjar ħwejġek.
Niftakar ukoll dik il-persuna li darba minnhom innutat li għonqi kien mimli bħal ħafas minħabba li kont għadni kemm inqaxxar il-leħja. Is-suġġeriment tagħha kien li qabel ma nuża l-foam tal-leħja, naħsel wiċċi bis-sapun ħalli x-xafra tal-leħja bħal tiżloq aħjar u bla tbatija. U verament, minn dak iż-żmien ’l hawn il-ħmura ma’ għonqi naqset sewwa.
L-aħħar suġġeriment tahuli kollega tax-xogħol. Nafu li fis-sajf nogħrqu ħafna u jekk nilbsu qmis kapaċi daharna jimtela bil-għaraq. Huwa ssuġġerieli biex anki fis-sajf nilbes flokk ta’ taħt taċ-ċingi, u b’hekk nevita li l-qmis tixxarrab minn wara, imma xorta ma nħossx iktar sħana.
Nies bħal dawn ma ninsihom qatt.
Inti għandek x’tirrakkonta dwar dan?