Id-dating apps huma l-ħuttab modern
Għalkemm ħafna ma jiftakrux iż-żmien meta iż-żwiġijiet f’Malta kienu jkunu rranġati, żgur li xi darba jew oħra kulħadd sema’ jew qara dwar il-ħuttaba. Xogħol il-ħuttab kien simili tas-sensar, imma minflok jirranġa għal xi negozju ta’ biċċa art, kien jipprova jirranġa sabiex żewġ persuni jibdew joħorġu flimkien, sakemm eventwalment jitgħarrsu u jiżżewġu
Maż-żmien din il-prattika inqatgħet, hekk kif in-nies, l-aktar il-ġuvintur, bdew jersqu u jistaqsu huma lit-tfajliet sabiex joħorġu magħhom. Issa setgħu jissugraw ikellmu lit-tfajla mingħajr il-permess ta’ missierha. Imma minkejja illi suppost m’għandniex problema jew mistħija sabiex nikkomunikaw, xorta hawn min ikollu bżonn dik id-daqqa t’id. U bl-avvanz tat-teknoloġija u l-internet , ġew żviuluppati apps apposta sabiex persuna issib il-maħbub/a ideali għaliha
Dawn l-apps fihom xi ftit vantaġġi fuq il-metodu tradizzjonali. Huwa mod konvinjenti, li flok toqgħod tbiddel u toħroġ sabiex tipprova tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jiteressak, tibda l-proċess mill-kumdita ta’ darek, tara fejn taqbel ( u jekk jogħġbokx), imbagħad tiltaqa’ fiżikament meta tkun komdu
Vantaġġ ieħor ta’ dawn l-apps huwa li tista’ tiltaqa’ ma’ persuni li ġejjin minn klassi soċjali, reliġjon jew razza differenti minnek, għax mhux bilfors ikunu jiffrekwentaw l-istess ċirku soċjali. U għal dawk ili jistħu, dawn l-apps huma ideali, għax tista’ saħansitra iżżomm l-anonimita
Imma dawn l-apps mhumiex kollox ward u żahar. Dawn mhux dak il-ħuttab li se jipprova jirranġa żwieġ, bil-probbabilta li jkun jaf liż-żewġ familji. Fuq dawn l-apps tista’ tiltaqa’ ma’ kulħadd, u fid-dinja mhux kulħadd huwa ġenwin, u b’intenzjoni li jibda relazzjoni
Żvantaġġ ieħor illi dawn l-apps jużaw sistema ta’ algoritms sabiex jagħżlulek “il-parnter” ideali għalik. U dawn l-algoritms jużaw karatteristiċi li jaqblu, imma ma jużawx l-emozzjoni bħal meta tħoss xi ħaġa lejn xi ħadd li tkun iltqajt miegħu
Dejjem ftakar li jekk se tiltaqa’ ma’ xi ħadd li ma tafx ħlief li ltqajt miegħu online, tiltaqax miegħek waħdu fpost privat. Iltaqa’ fil-pubbliku għax mhux kulħadd ġenwin.