Ikollok inqas ġuħ fis-sajf? Ara għaliex minn hawn!
Fil-ġranet l-aktar sħan tas-sajf, jista’ jkun li tinnota li jonqoslok l-aptit. Iżda qatt ħsibt għaliex jiġri hekk?
Riċerki li saru matul is-snin osservaw kif it-temperatura taffetwa l-aptit tan-nies. Infatti, ir-riċerkaturi sabu kif persuni li jgħixu f’ambjenti aktar kisħin jieklu aktar kaloriji. Dan hekk kif il-kaloriji jgħinu lill-ġisem iżomm il-livell ta’ sħana tiegħu, u b’hekk jaqbadna aktar ġuħ fil-kesħa. Madanakollu, malli jibdew tilgħin it-temperaturi, il-ġuħ jibda jonqos.
Minkejja r-riċerki u studji li saru dwar dan is-suġġett, il-mekkaniżmi eżatti għadhom mhux ċari, madanakollu hemm diversi fatturi li ġew identifikati. Instab li l-ormoni u t-tibdil fl-ambjent, jinfluwenzaw il-konsum tal-kaloriji. Ġisimna jaħdem sabiex jikseb l-omostasi, din hija kundizzjoni interna stabbli li tinkludi l-irregolar tal-ġuħ. Ormoni bħal ghrelin (li tgħinna nifhmu meta nkunu bil-ġuħ) u l-leptin (li tgħinna nifhmu li mtlejna), għandhom irwoli kruċjali. Dawn l-ormoni jikkomunikaw mal-hypothalamus, il-parti tal-moħħ li tirregola l-ġuħ u t-temperatura, fost funzjonijiet oħrajn.
It-temperaturi jidher li timpatta din is-sistema. Tant li studji juru li meta wieħed ikun f’ambjent kiesaħ, ċerti ċelloli tal-moħħ jistimolaw il-ġuħ. Min-naħa l-oħra, is-sħana tattiva proteini li jġiegħluna nħossuna mimlijin. Madanakollu hemm anke ċirkwiti oħra tal-moħħ li jikkontribwixxu għal dan il-proċess.
Apparti minn mekkaniżmi bijoloġiċi, il-vizzji tagħna għandhom ukoll irwol kruċjali. Aħna nistgħu nissuperaw is-sejħiet naturali, u nieklu inqas jew aktar minn dak li għandu bżonn ġisimna. Madanakollu, anke jekk ma jiġikx l-aptit, huwa importanti ħafna li żżomm lilek innifsek idratat f’din is-sħana. Ironikament, il-ħelu tal-friża li fih ammont ta’ kaloriji għolja jistgħu jżidu t-temperatura tal-ġisem minflok inaqqsuha.