Il-bejjiegħa ambulanti tal-imgħoddi. Malta oħra?
Min għex is-snin sebgħin u tmenin tas-seklu 20 żgur jiftakar ħajja inqas mgħaġġla u iktar sielma. L-irħula kienu għadhom relattivament kwieti bit-tfal jilagħbu barra u bl-anzjani fuq l-għatba tal-bieb għaż-żiffa ta’ filgħaxija. L-għelieqi kienu aktar qribna u parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħna, bħalma kienu jżuruna regolarment persuni li jiġu wara biebna biex ibigħulna prodotti differenti.
Preżenza regolari u ta’ kuljum żgur kien il-vann tal-ħobż. Konna nisimgħu t-tpaqpiqa tal-ħorn tiegħu u tara nisa u tfal ħerġin bil-basktijiet jixtru l-ħobż tal-Malti, jew xi waħda tal-kexxun, flimkien ma’ xi borża ottijiet jew krustini biex infittu fit-te u l-kafè. F’xi rħula dan għadek tarah, imma ġeneralment saret dehra rari.
Imbagħad kull tant jiem kien jiġi tal-pitrolju, vann blu, b’min jaf kemm-il lenbut, laned u fliexken, imdendlin u jċekċku mal-ġnub tiegħu. In-nies tat-triq kienu joħorġu bil-jerry cans jew kontenituri oħra biex jimlewhom bil-pirtolju li kien iservi għall-ispiritieri għat-tisjir, u għal-lampi biex idawlu meta jinqata’ d-dawl. Jiena niftakar saħansitra li n-nanna kellha friġġ taħdem bil-pitrolju! Imbagħad il-pitrolju konna nużawh ukoll għall-fjakkli waqt xi bbq jew xi festa tar-raħal.
Preżenza ħelwa kienet il-mara tal-kappar li kienet tiġi mill-bogħod b’pushchair antika mimlija kontenituri bil-kappar misjur fiha. Konna nisimgħuha tgħajjat “Min irid kejla kappar?”. L-għajta nofs il-bejgħ jgħidu, u kont tara n-nisa tad-dar ħerġin jixtru l-kappar biex iħawru l-ħobża biż-żejt jew xi platt tipikament Malti.
Ġieli kienet tiġi mara oħra bil-bajd frisk. Kien ikollha fil-puschair bir-roti kbar anki xi ħelu tar-raħal li kienet tagħmel hija stess u tbigħ bil-borża bi prezz verament baxx.
Min hu iktar anzjan żgur jiftakar il-landier li kien jiġi bil-karettun u jagħmel nofstanhar fir-raħal f’xi rokna għad-dell isewwi l-borom, it-twaġen u dak kollu li jkun hemm bżonn. Ma kienx żmien ta’ ixtri, uża, armi u erġa’ ixtri l-ġdid, imma kulħadd kien jieħu kemm jista’ mill-prodotti tad-dar li kien jixtri.
Kien hemm ukoll is-sennien, mela dak li kien jiġi biex isinn l-imwies, l-imqassijiet u s-skieken.
Illum baqgħu tal-ġelati u tad-doughnuts.
Inti x’tiftakar minn dak kollu?