Ikkalma ftit u… ħu kamomilla! 5 benefiċċji li għandha din il-pjanta

 Ikkalma ftit u… ħu kamomilla! 5 benefiċċji li għandha din il-pjanta

Il-kamomilla

Il-kamomilla hija pjanta popolari li ilha tintuża sa minn żminijiet antiki ħafna. Din il-pjanta bil-qalba safra u b’ petali bojod, tikber fl-aqwa tagħha lejn il-ħabta ta’ Mejju/ Ġunju. Fl-Eġittu, din il-pjanta kienet titkabbar qrib ix-xmara Nil u kienet tintuża biex tbatti d-deni u anke biex issebbaħ il-ġilda. Fil-Medjuevu, kienet titkabbar anke fil-monasteri u meta kienet tfaqqa’ xi epidemijja, kien hemm it-tendenza li jwaħħlu biċċa mill-pjanta tal-kamomilla mal-benniena tat-trabi bħala protezzjoni mill-mard tal-pesta u tat-tuberkulożi.

Il- benefiċċji tal-kamomilla

Normalment, il-kamomilla tiġi kkunsumata f’forma ta’ xarba u ħafna japprezzawha minħabba l-karatteristiċi pożittivi tagħha.

  1. Il-kamomilla magħrufa li tagħti sens ta’ kalmizza u allura hija tajba ħafna għal qabel l-irqad. F’ mumenti ta’ stress, tazza kamomilla taf tagħmel tajjeb ukoll.
  2. Tipprevjeni wkoll l-gass u hija tajba anke għas-sistema diġestiva. Fil-fatt, tintuża spiss minn min forsi jħoss l-istonku imqalleb jew ikun qed iħoss xi dardir.
  3. Tbatti ċertu uġigħ speċjalment l-uġigħ ta’ ras. Peress li l-kamomilla għandha effett rilassanti fuq il-muskoli addominali, kapaċi tgħin lil min ikollu l-uġigħ tal-period.
  4. Din il-pjanta magħrufa wkoll għad-dermopurifying effect tagħha u allura hemm min jużaha biex inaddaf il-ġilda u tikkumbatti l-acne fil-wiċċ.
  5. Tajba wkoll biex tħaffef il-fejqan ta’ xi feriti. Dan isir billi titpoġġa l-kamomilla direttament fuq il-ġilda.

Kif qed naraw, il-kamomilla għandha karatteristiċi varji u għaldaqstant, b’mod ġenerali, tħalli benefiċċji pożittivi fuq l-organiżmu tal-bniedem.

U intom, tħobbuha l-kamomilla?

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com