Il-Bnadar fuq il-bjut Maltin
Qabel il-bnadar kienu jittellgħu fuq il-bejt ta’ xi kastell jew fortizza bħala simbolu ta’ poter. Ħadd ma kien liberu jtella’ fuq il-bejt tiegħu liema bandiera xtaq hu.
Fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann kienet tittella’ l-bandiera tal-Ordni, mela salib abjad fuq sfond aħmar. Din illum għadek taraha tperper in-naħat tal-Birgu, fosthom fuq Forti Sant’Anġlu u anki mal-madwar f’okkażjonijiet speċjali, imma anki matul festi ta’ natura reliġjuża ladarba kienet ukoll ikkunsidrata bħala l-bandiera “Tar-Reliġjon”.
Fost l-ewwel bnadar li bdew jidhru fuq il-bjut Maltin hemm dawk tal-każini tal-banda u dan tard matul is-seklu 20. Kienu jkunu magħmulin mid-drapp tal-qoton jew tax-xoqqa, materjal ħafif biex iperper bla diffikultà ma’ kull żiffa.
Biex tagħmel bandiera ta’ ċertu daqs ħalli tperper mal-arblu fuq il-bejt kien u għadu jirrikjedi ħafna spejjeż. Mela sa ċertu żmien din kienet xi ħaġa li s-sinjuri biss setgħu jaffordjaw li jagħmluha u b’hekk kienet ukoll xi ħaġa ta’ klassi u preġju kbir.
Meta l-festi tal-lokalitajiet bdew jakkwistaw iktar saħħa u jikbru, żdiedu wkoll il-bnadar fuq il-bjut tal-irħula. Daħlet ukoll l-idea tal-kompetizzjoni bejn min jirnexxilu jtella’ l-isbaħ bandiera fuq il-bejt tiegħu, jew bejn kwartieri diversi tal-istess raħal imma li jintrabtu ma’ qaddisin patruni diversi.
Parti mis-sabiħ tal-irħula huma proprju dawn il-bnadar fuq il-bjut, ta’ daqsijiet differenti, imma anki ta’ lwien u disinni differenti. Hemm il-bandiera Maltija li tittella’ f’ħafna okkażjonijiet, fosthom matul il-festi nazzjonali bħal Jum il-Ħelsien, Jum il-Vitorja, Jum l-Indipendenza, u Jum ir-Repubblika, imma mhux biss.
Waqt il-festi reliġjużi ma jistax jonqos li naraw il-bandiera bajda u safra tal-Vatikan, jew dik li nsejħulha tal-Papa, jew dik bajda u blu tal-Madonna. Imbagħad xi ngħidu meta jasal żmien il-qaddis patrun tar-raħal jew belt fejn noqogħdu?! Tara bnadar ta’ kull tip, fosthom anki dik partikolari tal-qaddis li jkun, b’xi VIVA kbira miktuba fuqha. Oħrajn ikollhom wiċċ jew il-figura tal-qaddis jew tal-Madonna fuqhom. Jispikkaw ukoll bnadar li juru s-salib ta’ Malta bit-tmien ponot.
Xi lwien għandha l-iktar bandiera għal qalbek?
(Sors: kliemustorja.com)