Il-faxxinu tal-kunjomijiet Taljani fostna l-Maltin
Il-kunjomijiet li nġorru wara isimna jafu jmorru lura sekli sħaħ. Huma prova ħajja ta’ kemm aħna l-Maltin matul is-sekli tħallatna ma’ popli differenti li ġew minn diversi partijiet tad-dinja.
Il-kunjomijiet tagħna llum oriġinarjament setgħu kienu ismijiet propri, jew laqmijiet, jew jirreferu għal xogħlijiet jew snajja’ partikolari, jew saħansitra karatteristiċi fiżiċi jew karatterjali li kienu tipiċi tal-antenati tagħna.
Kif nafu, u għadu hekk f’xi rħula Maltin sal-ġurnata tal-lum, il-kunjom hu l-isem li jorbtok mal-familja, bħalma fl-antik, imma anki fil-preżent, il-laqam jaf jidentifikak ma’ familja partikolari.
Hawn se nsemmi biss ftit kunjomijiet li oriġinaw fl-Italja:
Alamango: tifsira waħda tista’ tkun dik li ġejja mill-kelma “Alamanno” jew mil-Latin “Alemannus” li tfisser Ġermaniż, jew nattiv tar-reġjun bl-isem ta’ Alemanja. Però, jista’ ġej ukoll mil-laqam ala (ġewnaħ) + manco (minn mancino), mela xi ħadd li kien xellugi.
Aquilina: ġej mill-kelma “aquila” (ajkla) u twieled bħala laqam għal xi ħadd li kien aggressiv, rgħib u jaħtaf dak kollu li jiġi quddiemu. Imma seta’ jirreferi wkoll għal persuna ta’ ċerta dinjità jew importanza. Seta’ jirreferi wkoll għal xi ħadd li ġej mill-belt Rumana ta’ Aquileia (f’Udine fit-Tramuntana tal-Italja) jew Aquila (fir-reġjun tal-Abruzzo).
Baldacchino: kien isem ta’ sengħa partikolari, mela ngħata lil dak li fl-imgħoddi kien iġorr il-baldakkin jew tinda apposta li kienet tintuża waqt ċerimonji taż-żwieġ jew purċissjonijiet reliġjużi.
Callus: ġej mil-Latin u tfisser “ta’ ġilda ħoxna”, mela metaforikament xi ħadd bla qalb. Tifsira oħra tista’ tkun ġejja mill-kelma “gallus” li tfisser “serduq” jew xi ħadd li ġej mir-reġjun tal-Gallija.
Debono: kien jirreferi għal xi ħadd li hu qalbu tajba, kuraġġuż, leali, furtunat, jew saħansitra reliġjuż, ta’ karattru tajjeb u virtwuż.
Francalanza: kien laqam u isem ta’ sengħa li kien jirreferi għal kavallier ħieles li kien iġorr il-lanza u li kien joffri s-servizzi tiegħu lil min kien lest iħallsu.
Gambin: bit-Taljan tfisser “ta’ siequ qasira”, mela seta’ jirreferi wkoll għal mod partikolari kif wieħed kien jimxi.
Inti taf minn fejn oriġina kunjomok?
(Sors: The Surnames of the Maltese Islands, Mario Cassar, BDL, 2003)