Il-Ġmiel tal-Volontarjat
Dan l-aħħar sirna spiss nisimgħu li l-ammont ta’ voluntiera f’oqsma differenti u soċjali mhux biss saru ftit, imma dejjem qegħdin jonqsu. Biex ngħidu kollox, il-ħajja tan-nies saret wisq impenjattiva u miċ-ċkejkin sal-adulti, kulħadd għandu ġurnata mimlija daqs bajda. Madanakollu, li bniedem ikun voluntier f’setturi differenti tas-soċjetà fih il-faxxinu u l-valur imprezzabbli tiegħu.
Għaldaqstant, il-voluntiera tal-lum huma ta’ min japprezzahom id-doppju. Bniedem mhux biss ikun qed jgħin lil xi ħaddieħor jew lil xi għaqda mingħajr interessi, imma jkun ukoll qed joffri porzjon mill-ħin personali tiegħu. F’ħajja fejn sirna aktar individwalisti, għandna dejjem ninkoraġġixxu lil dawk in-nies li juri l-ħajra li jingħaqdu ma’ xi entità tal-għażla tagħhom sabiex jagħmlu l-volontarjat. Ta’ min jgħid li l-volontarjat, aktar milli jieħu, jagħti ħafna lura lil kull min jagħmlu. Nistgħu nsemmu punti differenti, fosthom –
- Min jagħti s-servizz lil ħaddieħor, intrinsikament iħossu tajjeb għaliex jkun utli għal min għandu bżonn. Il-fatt li bniedem jesprimi l-ġenerożità tiegħu tgħinu indirettament biex jiżviluppa bħala persuna.
- Inkonxjament, il-volontarji jservu ta’ eżempju u jgħaddu l-messaġġ li bl-għajnuna tagħhom ikunu qed jagħtu kontribut biex id-dinja tkun post aħjar.
- Il-volontarjat ilaqqa’ nies b’ perspettivi u karattri differenti. Dan joħloq ambjent interessanti. Li persuna titħallat ma’ nies oħra huwa ta’ benefiċċju fuq livelli differenti.
- Individwu jista’ jagħti sehemu f’settur li għalih ikun għal qalbu ħafna. Għaldaqstant, l-esperjenza tal-volontarjat jgħaqqadha ma’ xi ħaġa li lilu tappassjonah.
Il-benefiċċji tal-volontarjat huma varji. Il-bniedem mhux bix-xogħol tiegħu biss jgħix. Esperjenzi bħal dawn jistgħu biss jarrikkixxu l-ħajja. Jekk tkunu tafu lil min ikun imħajjar jissieħeb bħala voluntier ma’ xi għaqda, inkuraġġuh, aktar jew aktar jekk dan ikun xi żagħżugħ/a. Ta’ min jgħid li jekk dawn tal-aħħar imorru għal xi intervista għal xi xogħol ġdid, jkunu jistgħu jsemmu l-esperjenzi tagħhom fil-volontarjat. Dan għaliex kull settur joffri tagħlim u abiltajiet ġodda li faċilment jiġu trasferiti f’ambjenti oħra ta’ xogħol.