Il-ħasla, il-ħwejjeġ u l-użu tal-ħall
Jekk forsi ġieli fittixtu fuq l-internet fuq t-tindif, żgur li telgħalkom il-ħall bħala l-prodott ideali li għandu jintuża. Becky Rapinchuk, fundatriċi ta’ kumpanija Ingliża li tiffoka fuq it-tindif, issemmi l-benefiċċji u l-preferenzi tagħha fejn jidħol il-ħall u l-użu tal-washing machine.
Meta ssemmi l-ħall, Rapinchuk tagħmel referenza għall-ħall abjad li jkun iddistillat u għall-ebda tip ta’ ħall ieħor. Hija tisħaq li għamlet sforz kbir sakemm waslet biex għall-ewwel darba tuża l-ħall abjad fil-washing machine. Ta’ min jgħid li Rapinchuk tindika użi differenti tal-ħall, fosthom biex –
- Tneħħi ċertu rwejjaħ minn mal-ħwejjeġ
- Trattab il-materjal tal-ħwejjeġ
- Tneħħi t-tbajja
- Tnaddaf il-washing machine
- Tbajjad aktar il-bojod
Ser nelaboraw biss fuq tlieta minn dawn l-użi. Hija ssemmi li ħafna mid-drabi tuża l-ħall bħala prodott tat-tlaħliħ speċjalment xħin tiġi biex taħsel lożor jew inkella xugamani. Normalment titfa’ l-ħall (daqs kwart ta’ kikkra) fejn is-soltu tpoġġi s-softner. Skontha, il-ħall ma jaħbix l-irwejjaħ bil-fwieħa imma jġibhom aktar friski u mingħar l-irwejjaħ antiki.
Il-ħall jista’ jintuża biex jitneħħew it-tbajja. Tajjeb li qabel tipprova fuq parti tal-ħwejjeg fejn ma jidhirx wisq. L-ewwel pass huwa li jekk għandek flokk, dan għandu jkun bil-maqlub u t-tebgħa tiġi mxarba b’ilma fietel. Għandu jitpoġġa ftit ħall fuq it-tebgħa u tiġi mgħoddija ħafif b’xi xkupilja żgħira. Wara għandha titpoġġa fuqha qatra sapun tal-platti. Il-flokk għandu jitlaħlaħ sew u jitpoġġa għall-ħasil normali.
Anke l-washing machine nnifisha tista’ titnaddaf. Idealment, jitpoġġa l-ħall direttament fil-machine. Għandu jintgħażel l-aktar programm twil bl-ogħla temperatura. Ma’ tmiem il-programm, il-partijiet tal-machine għandhom jintmesħu b’biċċa tal-microfibre. Il-partijiet esterjuri tal-machine jistgħu jitnadfu bi flixkun ta’ spray mħejji minn konċentrat ta’ ilma u ħall (nofs u nofs). Il-persuna għandha tisprejja fuq il-machine u timsaħ b’ ċarruta tal-microfibre xotta.