Il-moda tat-travel buddy
Għaliex għandek dejjem issiefer waħdek jew inkella mal-familjari jew ħbieb, jew ma’ xi tour organizzata? Għaliex għandek issiefer ma’ nies li bosta drabi jkollhom interessi differenti minn tiegħek, jitkellmu dwar ħwejjeġ li ma jinteressakx minnhom waqt il-vjaġġ, u fl-istess ħin tkun fi grupp kbir iżżejjed għall-gosti tiegħek?
L-idea tat-travel buddy tagħtik l-opportunità tivvjaġġa ma’ xi ħadd li lest jaqsam l-esperjenza miegħek. Imma wara dan hemm raġunijiet oħrajn: jista’ jkun li min ikun irid jivvjaġġa jkollu bżonn superviżjoni, kura tas-saħħa, kumpanija jew sewwieq li jgħinu waqt il-vjaġġ. Hemm kumpaniji apposta li jgħinuk issib it-travel buddy adatt għalik.
Kif issib travel buddy? Hemm min isostni li postijiet ideali fejn tista’ ssib xi ħadd hekk huma l-kumpaniji li jorganizzaw il-cruises jew gruppijiet li jorganizzaw it-tours. Dan għax f’attivitajiet tal-grupp tista’ ssib vjaġġaturi li jkunu waħedhom u li jistgħu jkunu qed ifittxu persuni li qed jivvjaġġaw solo bħalek. Idea tajba hija dik li tfittex tours li jorganizzaw opportunitajiet fejn dak li jkun jista’ jimxi għalih (free walking), u dawn isiru f’ħafna destinazzjonijiet turistiċi popolari.
X’karatteristiċi għandu jkollu t-travel buddy tajjeb? Qabel xejn għandu jkun bniedem flessibbli u lest għall-kompromessi. Huwa dik il-persuna li ma taqtax qalbha quddiem l-intoppi li jistgħu jinqalgħu, bħal pereżempju maltemp li jista’ jħassar attività partikolari, u taf tadatta ruħha għal ċirkustanzi mhux mistennija. B’hekk persuna bħal din taf tgħinek biex tivvjaġġa iktar faċilment b’inqas uġigħ ta’ ras.
Meta tivvjaġġa ma’ travel buddy hemm ukoll ċerti vantaġġi:
- Issaħħaħ ir-relazzjoni tiegħek mal-ieħor u titgħallem kif tadatta, tinnegozja u tieħu deċiżjonijiet flimkien;
- Ikollok ċans tieħu ritratti isbaħ u iktar memorabbli;
- Tingħata ċ-ċans li tħares lejn id-dinja minn perspettivi differenti;
- Tkun tista’ tesperjenza ħwejjeġ li waħdek ma kontx tasal għalihom;
- Hemm ċans ikbar li ma tiddejjaqx waqt il-vjaġġ;
- Taf tkun esperjenza edukattiva ladarba meta tkun f’kumpanija tista’ tpartat ideat u informazzjoni dwar il-postijiet li żżur;
- Bejn tnejn il-vjaġġ kapaċi jiswik inqas.
Inti qatt sifirt ma’ travel buddy?