Il-murtali: x’taħseb dwarhom?

 Il-murtali: x’taħseb dwarhom?

Illum il-ħoss tal-murtali mhux limitat biss għall-istaġun sajfi. Huwa ħoss familjari, għalkemm xi drabi jaf jaħsadna wkoll, li jakkumpanjana matul is-sena kollha. Daqqa biex infakkru xi festa nazzjonali u daqqa biex infakkru l-qaddisin patruni fl-irħula tagħna.

Mill-ftit li naf hemm żewġ tipi ta’ murtali, għalkemm l-esperti jafu li hekk ħafna iktar. Hemm il-murtali tal-bomba li nisimgħuhom l-iktar matul il-jum filgħodu. Dak l-ewwel murtal bomba li jħabbar li ġejjin iktar warajh hemm min jistkerrhu u saħansitra jisħtu proprju għax jaħsad lil dak li jkun! Filli kwiet, jew għallinqas inkunu għaddejjin bir-rutina tagħna u l-ħsejjes li mdorrijin għalihom bla bosta drabi ma nagħtu kashom, u filli tisma’ splużjoni solitarja u unika li ssammrek, taqtgħek minn ġewwa, u kapaċi toħroġlok minn fommok xi kelma xejn xierqa bla ma taħsibha darbtejn. BUMM! F’dik is-sekonda d-dinja bħal donnha tieqaf, biex imbagħad, kif jgħaddi l-effett, kollox jerġa’ lura għan-normal, bl-għarfien li bħal dik il-bomba ġejjin iktar għal mill-inqas il-5 jew 10 minuti li jmiss.

Imbagħad hemm il-murtali kkuluriti ta’ filgħaxija. Naħseb li dawn ikunu iktar mistennija mill-parti l-kbira tan-nies. Ftit ilu smajt tifla ċkejkna ġo lukanda tistaqsi lil ommha turista jekk kinux sejrin il-festa biex jaraw anki l-fireworks. Iva, dawn il-murtali tal-kulur huma maħbubin minn bosta, kemm Maltin kif ukoll barranin. Min jaf x’preparazzjoni hemm wara dik li aħna narawha bħala splużjoni mħawra ta’ ħsejjes u kuluri mill-isbaħ jiftħu bħal miraklu fil-beraħ tas-sema lejlija? Min jaf kemm attenzjoni, kemm idejn, kemm esperti jew appassjonati tas-sengħa hemm wara dawn il-manufatti li jagħtu gost lil bosta?!

Il-murtali huma prodotti wkoll, u biex isiru jridu anki flus kbar. Hemm min ta’ kull sena jagħti donazzjonijiet regolari biex tradizzjoni bħal din ma tintilifx. Hemm imbagħad min jisħet l-istaġun tas-sajf għax jaf li ma jgħaddix jum wieħed bla ma jkollu jassoġġetta ruħu tabilfors għal dan il-baraxx regolari ta’ bombi u splużjonijiet li jheżżu l-madwar, jaħsdu lill-marid u lix-xjuħ u jwerwru lill-annimali domestiċi u mhux.

Inti x’taħseb dwar il-murtali?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com