Il-wirdien: kun af iktar dwaru
Hemm min is-sajf ma jaħmlux għax iġib miegħu din il-ħlejqa tant mistkerrha: il-wirdiena! X’biża’! Jaqq! Joħorġu l-aktar fid-dlam u nafuhom bħala ħlejjaq maħmuġin. Huma ħlejqiet uniċi u jafu joħolqu problemi kbar jekk ma niħdux ħsieb li nrażżnu n-numru tagħhom. Fejn jidħol il-qasam tal-catering, kull sena l-wirdien jaf jiswa eluf ta’ ewro kemm minħabba danni kif ukoll minħabba kontroll jew multi mħallsa f’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ ndafa.
Meta jitwieled il-wirdien ikun letteralment daqs traba. Wara biss jum wieħed kapaċi jiġru daqs wirdien adult, mela daqs 4.8 km fis-siegħa. Il-fatt li bilkemm jidhru u li jiġru ħafna jagħmilhom fost l-agħar pests li jistgħu anki jittrażmettu ċertu mard.
Iħossu l-preżenża umana qabel ma jirnexxilek tarahom. Għandhom nervitura partikolari li tħoss l-iċken ċaqliqa fil-kurrenti tal-arja u dan iġagħalhom jiġru mingħajr il-bżonn li jaħsbu qabel.
Bħad-dinosawri l-wirdiena ilha teżisti fuq id-dinja mat-300 miljun sena, bla ma għaddiet minn ħafna tibdil, imma saret iktar b’saħħitha. Tista’ tgħix anki mingħajr rasha għax tieħu n-nifs minn toqob żgħar li jinsabu matul il-partijiet ta’ ġisimha. Tista’ żżomm nifisha sa 40 minuta mela tibqa’ ħajja anki taħt l-ilma, u tgħix sa sitt ġimgħat mingħajr ma tiekol għax demmha kiesaħ. Tiekol anki l-kolla li ssib fuq il-masking tape jew il-ħmieġ bilkemm jidher li hemm f’qiegħ iż-żarbun tiegħek.
Jafu anki jidħku b’dak li jkun billi jintefgħu żaqqhom ’il fuq bla jiċċaqalqu biex jagħtuk l-impressjoni li mejtin. Imma din hija waħda mit-tattiċi ta’ difiża tagħhom.
Hemm wirdien li jsir adulti anki f’36 jum u huwa kawża ta’ mard u allerġiji f’għadd ta’ persuni. Oħrajn huma attratti mill-alkoħol, l-aktar il-birra. Wirdiena komuni, skont l-ispeċi u s-sess tagħha, tista’ tgħix minn xahar sa iktar minn sena.
Hu importanti li żżomm l-ikel fid-dar magħluq sewwa f’kontenituri, l-iktar fil-kċina. Għandek tnaddaf regolarment u teħles mill-frak li jaf jakkumula fi spazji bħal dawn. Anki l-boroż taż-żibel għandhom ikunu magħluqin sewwa u jintremew f’post adatt regolarment.
Innutajtu kemm hawn wirdien jiġru fit-toroq bħalissa?